DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ – Il-Magħmudija tal-Mulej – 11 ta’ Jannar 2015
Il-Magħmudija tal-Mulej
DAN HU IBNI L-GĦAŻIŻ
Isaija 42: 1-4; 6-7; Salm 28; Atti 10: 34-38; Mark 1:7-11
Il-Vanġelu
Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”
U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.“
Il-Ħsieb
Il-festa tal-lum, dik tal-Magħmujdija tal-Mulej, mhux biss hija festa li tfakkarna fil-mument tal-magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda wkoll fil-konferma ta’ Alla l-Missier għall-missjoni ta’ Ibnu:
‘Araw il-qaddej tiegħi li fih jiena nemmen,
il-Maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet.”
Dan id-diskors tal-Profeta Isaija juri l-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali, Alla jagħmel patt ta’ għaqda bejnu u bejn il-poplu. Hija missjoni li l-qaddej ta’ Alla kellu jwettaqha fil-kwiet u fis-sliem. U minn hawn tibda r-riflessjoni fuq il-missjoni tagħna bħala mgħammdin u qaddejja ta’ Alla. Kemm tassew fhimna din il-missjoni? Kif qed nuru, bħall-qaddejja ta’ Alla, bl-istess ħajja tagħna ta’ kuljum li aħna mgħammdin? Kemm nistgħu nwettqu f’ħajjitna d-dmirijiet li rċevejna fil-magħmudija?
![The Baptism of Christ - Hendrik Goltzius [Public domain], via Wikimedia Commons](https://kerygma.org.mt/wp-content/uploads/2014/01/Hendrick_Goltzius_024-195x300.jpg)
The Baptism of Christ – Hendrik Goltzius
Il-Kelma
L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija jitkellem dwar il-missjoni ta’ Qaddej ta’ Alla speċjali. Fuq dan il-qaddej jitqiegħed l-Ispirtu t’Alla. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 28, għandna innu ta’ tifħir lill-Mulej li jbierek lill-poplu tiegħu bis-sliem. It-Tieni Qari tal-lum huwa silta mill-Atti ta’ l-Appostli. Għandna l-bidu tad-diskors ta’ Pietru fid-dar taċ-ċenturjun pagan Kornelju. Pietru jenfasizza li Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda jilqa’ lil kull min irid iwettaq ir-rieda tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista u l-Magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan.
Il-Ħajja
- Kif qed ngħixu l-magħmudija tagħna b’rutina jew b’impenn?
- Kemm tassew fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù qed nirrifletti fuq il-Magħmudija tiegħi u nara kif nista’ niġġedded mal-Mulej?
- Il-Qaddej t’Alla aċċetta li jgħix il-Magħmudija tiegħu fis- sempliċita. Kemm qed nipprova ngħix ħajja sempliċi?
- L-umiltà kbira ta’ Ġesù tidher fil-festa tal-lum. Kemm qed jirnexxilna nkunu umli fil-qadi ta’ kuljum?
Id-Djalogu
Mulej Ġesù,
għinni ngħix kuljum
il-wegħdiet li għamilt fil-Magħmudija.