EMMNU F’DAK LI BAGĦAT – It-18-il Ħadd Matul is-Sena – 3 t’Awissu 2024
It-18-il Ħadd Matul is-Sena
EMMNU F’DAK LI BAGĦAT
Eżodu 16, 2-4, 12-15; Salm 77; Efesin 4, 17: 20-24; Ġwanni 6, 24-35
Il-Vanġelu
In-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.
U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?” Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu.” Mbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat.” Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub, ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema.’ ” Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.”
“Sinjur,” qalulu huma, “agħtina dejjem minn dan il-ħobż.” Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.
Il-Ħsieb
Ngħidu li aħna ta’ Kristu. Ngħidu li aħna Nsara. Iżda fiex tassew qegħdin nemmnu llum? Kemm tassew ilkoll kemm aħna nistgħu ngħidu li nafu tassew lil dan Kristu? X’bidliet ġab fil-ħajja tagħna? Għad-domanda x’għandna nagħmlu biex naħdmu għall-għemejjel ta’ Alla Ġesù jwieġeb li l-għemil ta’ Alla huwa dan li aħna nemmnu f’dak li huwa bagħat.
Irridu nemmnu f’Ġesù. Biex temmen f’xi ħaġa trid tkun taf dwar dik il-persuna tkun taf x’inhi l-missjoni tagħha. Ħafna drabi nfittxu lil Ġesù meta niġu daharna mal-ħajt, kif fittxewh il-Lhud għax kien temmagħhom il-ħobż b’xejn. Iżda kemm tassew nistgħu ngħidu li qed infittxu lill-Mulej Ġesù għax għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, għandna l-mixja tal-poplu Lhudi fid-deżert sa l-Art Imwiegħda. Ma kinetx mixja ħafifa, iżda Alla dejjem ħaseb biex jgħinu. Fis-Salm 77, li nsibu fis-Salm Responsorjali, għandna lill-Mulej juri l-ħniena mal-poplu billi tahom il-qamħ mis-sema. Fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Efesin insibu lil San Pawl jitkellem dwar il-ħtieġa li lkoll inkunu nafu sew lil Kristu u nilbsu l-bniedem il-ġdid. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann Ġesù jurina li huwa l-ħobż tassew li niżel mis-sema.
Il-Ħajja
- Kemm tassew nafu min huwa Ġesù? Kemm nixtiequ nsiru aktar tiegħu?
- San Pawl jistedinna biex nilbsu l-bniedem il-ġdid. Kemm qed taħrab kompromessi fil-ħajja tiegħek biex tilbes dan il-bniedem?
- “Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġwanni 6,35). Temmnu u tgħixu tassew dan il-kliem?
Id-Djalogu
Mulej tiegħi,
agħmel li qatt ma nixrob minn għejun imdardra,
imma dejjem mill-ilma li jagħti l-ħajja,
li huwa Int.