FLIMKIEN GĦALINA – Festa tat-Trinità Mqaddsa [B] – Il-Ħadd 26 ta’ Mejju 2024

FLIMKIEN GĦALINA – Festa tat-Trinità Mqaddsa [B] – Il-Ħadd 26 ta’ Mejju 2024

May 25, 2024

Festa tat-Trinità Mqaddsa

FLIMKIEN GĦALINA

Dewteronomju 4,32-34,39-40; Salm 32; Rumani 8: 14-17; Mattew 28: 16-20

Il-Vanġelu

     Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, nxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu  s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”

Il-Ħsieb

 

U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien
    Il-festa tat-Trinità li niċċelebraw Ħadd wara l-festa ta’ Pentekoste forsi ftit li xejn tqajjem fina interess u devozzjoni.  Hija festa li lkoll kemm aħna niċċelebraw forsi mingħajr ma nifhmu.  Xi wħud qed jgħidu u jserrħu l-kuxjenza tagħhom:  it-Trinità hi misteru;  Mela xi rridu nifhmu minnha?  Hemm ħafna x’tifhem; s’intendi mhux il-misteru għax inkella ma jissejjaħx iżjed misteru.  Nifhmu li t-Trinita Mqaddsa qiegħda għas-servizz tagħna lkoll.  It-Trinità Mqaddsa qiegħda hemm biex ilkoll kemm aħna nifhmu l-preżenza trinitarja mhux biss fid-dinja iżda b’mod personali fina lkoll.  Tliet persuni f’Alla wieħed, bl-unika missjoni li hi l-imħabba lejna b’mod uniku u personali.  Il-Missier bħala l-Ħallieq ta’ l-Univers, li bagħat lil Ibnu biex isalvana mill-ġdid u l-Ispirtu s-Santu d-Difensur biex jissiġilla din l-imħabba.  Il-miraklu ta’ kuljum m’huwiex misteru.  Hu miraklu li l-ħajja tagħna hija mmarkata minn dawn it-Tliet Persuni b’ħidma ta’ Alla wieħed.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, insibu li Alla fil-ġrajja tal-bniedem wera ruħu bil-kliem u bl-għemil bħala Alla li jeħles lill-bniedem mill-jasar u li jagħmel Patt miegħu.  It-tweġiba li jistenna Alla hija li nħobbu u nobdu l-kmandamenti tiegħu.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 32 li huwa Salm ta’ tifħir għax il-Mulej għażel poplu għalih biex iwettaq il-pjan ta’ salvazzjoni għall-ġnus kollha.

     San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, fit-Tieni Qari tal-lum, jagħtina s-servizz li t-Trinita Mqaddsa wettqet u twettaq kuljum għall-umanità.  Ulied Alla tassew huma dawk li l-Missier ħalaq u jħobb, li l-Iben feda u li l-Ispirtu s-Santu jmexxihom biex fihom ikomplu l-ħajja u l-missjoni ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu s-silta, li tagħlaq dan il-Vanġelu, fejn Ġesù juri li permezz tat-Trinita Mqaddsa dawk kollha li jemmnu jkunu magħquda mal-poplu ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Bħala Nisrani qatt ħassejt fil-ħajja tiegħek preżenza ħajja tat-Trinità Mqaddsa?  Kemm temmen fiha kull darba li trodd is-Salib:  Fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu?
  1. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma lkoll flimkien fil-qadi ta’ l-umanità, fil-qadi tal-ħajja personali tiegħi u tiegħek.  Kemm qed nifhmu dan?  Kemm qed nitolbu lilhom bil-qalb?
  1. Ilkoll kemm aħna rridu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nitkellmu fl-Isem tal-Missier, ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba fid-dinja tagħna.

Id-Djalogu

  Il-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu

  l-imħabba ta’ Alla,

  u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu,

  tkun magħna lkoll.