FOR GRANTED! – Ir-4 Ħadd Matul is-Sena Ċ – il-Ħadd 3 ta’ Frar 2019
Ir-4 Ħadd Matul is-Sena
FOR GRANTED!
Ġeremija 1:4-5,17-19; Salm 70;1 Korintin 12,31,13:1-13; Luqa 4:21-30
Il-Vanġelu
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?” Iżda hu qalilhom: «Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: “Tabib, fejjaq lilek innifsek”. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum għamlu hawn f’pajjiżek ukoll!” U Żied jgħidilhom: «Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja.” Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ‘il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
Il-Ħsieb
Fil-Ħajja tagħna l-iżball kbir li nistgħu nagħmlu huwa li nidraw kollox. Tidra l-persuni li jgħixu miegħek u xi kultant tibda lanqas biss tinduna minn liema fażijiet huma għaddejjin. Ma tindunax li ommok għaddejja minn xi problema, li ħuk għandu xi trouble. Tidra tgħix magħhom u teħodhom for granted. For granted li ommok tlestilek l-ikel, li r-raġel joħroġ għax-xogħol, eċċ. L-istess, ħafna drabi, nagħmlu fil-ħajja tagħna ma Ġesù. Nidraw li aħna Nsara. Nidraw immorru l-quddies, nidraw is-sagramenti, u r-reliġjożitù tagħna tiġi ffosilizzata f’rutina ta’ riti u tradizzjonijiet li nibżgħu niksruhom, iżda ftit nifhmu u ngħixuhom.
In-nies ta’ żmien Ġesù kienu jafu min huwa Ġesù iżda ma ridux jaċċettaw il-kelma tiegħu li kienet tikxef l-ipokresija ta’ ħajja doppja li kienu qed jgħixu. Għalhekk ma emmnuhx. Għalhekk riedu joqtluh.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-ktieb tal-Profeta Ġeremija. Din is-silta hija l-bidu tal-Ktieb ta’ Ġeremija, saċerdot li għex fi żmien il-ħerba ta’ Ġerusalemm u l-eżilju f’Babel. Lil Ġeremija Alla għażlu biex ikun profeta tal-ġnus waqt li jħabbarlu t-tiġrib li miegħu kellu jiltaqa’. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 70, juri li l-kenn tagħna huwa l-Mulej Ġesù li qatt m’hu se jitlaqna waħedna. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil-Korintin, inkomplu nisimgħu d-diskors fuq ir-rigali li l-Ispirtu tal-Mulej jagħtina għall-ġid tal-komunitù. L-akbar rigal li jagħti l-Ispirtu hija l-imħabba li jsawwab fi qlub il-bnedmin kollha. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-Profeta li fih bdew jitwettqu l-wegħdiet ta’ Alla. Id-diskors tiegħu jiġi sfiduċjat minn dawk stess li kienu jafuh. Riedu anki joqtluh u joħonqu l-vuċi tiegħu.
Il-Ħajja
- Kemm il-darba, fil-ħajja tagħna, aħna li aħna qrib ta’ Ġesù nagħmlu minn kollox biex noħonqu l-kelma tiegħu li trid tinżel fina biex tibdilna?
- Aħna, li aħna Nsara, qegħdin tassew nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-Kelma ta’ Ġesù biex inwassluha lil ħaddieħor?
- Kemm tassew aħna nistgħu ngħidu li qed ngħinu fit-tkabbir tas- Saltna ta’ Alla billi ngħinu lil dawk kollha li qed ixandru l-Aħbar it-Tajba fis-soċjetù tal-lum?
- Filwaqt li Ġesù ssallab għalina biex jurina l-fiduċja tiegħu fina, aħna għandna fiduċja u mħabba għalih? Qegħdin nużaw id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu li jsemmi San Pawl fit-Tieni Qari biex inkomplu nifhmu, naċċettaw u ngħixu l-kelma li tagħti l-ħajja lilna u lil dawn ta’madwarna?
Id-Djalogu
Mulej,
in-nies ta’ darek ma laqgħukx.
Għinni biex jiena,
minkejja d-difetti tiegħi,
nilqgħek mill-aħjar li nista’ u
nxandrek fil-possibiltajiet ċkejkna li għandi.