INWASSLU BXARA TAJBA! – It-3 Ħadd Matul is-Sena – 27 ta’ Jannar 2019

INWASSLU BXARA TAJBA! – It-3 Ħadd Matul is-Sena – 27 ta’ Jannar 2019

January 18, 2019

It-3 Ħadd Matul is-Sena

INWASSLU BXARA TAJBA!

Neħemija 2-4a, 5-6, 8-10; Salm 18; 1 Korintin 12:12-30; Luqa 1:1-4; 4,14-21

Il-Vanġelu

      Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma.  Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa,  biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

     Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

     “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej.”

     Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”

 

Il-Ħsieb

     Ġesù mar fis-Sinagoga u beda jgħallem.  Qed ngħixu f’mument storiku fejn id-dinja qed tagħmel żviluppi mgħaġġla f’dak li huwa tagħlim.  L-era tal-kompjuters u l-internet mhix xi ħaġa ġdida.  Iżda l-bniedem baqa’ miexi ’l quddiem minn dak li qed jitgħallem?  Baqa’ jara kif jiżviluppa lilu nnifsu fid-dawl ta’ servizz għall-umanita?  Din hija diskussjoni għal dibattitu twil, iżda jkollna nammettu li kull ġurnata nisimgħu ftit biss AĦBARIJIET TAJBA u ħafna affarijiet negattivi u mudlama.  L-ewwel kliem ta’ tagħlim ta’ Ġesu kien proprju stedina u sfida lill-umanità biex tisma’ l-AĦBAR IT-TAJBA li ġie biex iwassal lil dawk li huma fqajrin, għomja, maħqura.  Ġesù ġie biex ikun spalla ma’ spalla mal-batut.  Ma ġiex biex jittamah; ġie biex jeħilsu u jagħtih qawwa ħalli jqum fuq saqajh.  Ir-reliġjon mhix gaġġa għal-libertà tal-bniedem:  ir-reliġjon li ngħixu permezz tal-fidi hija ħajja li tagħtina libertà kbira.  Il-kelma sseħħ kull darba li ngħixuha fl-ambjent tagħna, għaliex Ġesù jkun magħna.  Din hija l-sifida li għandu n-nisrani llum.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Neħemija.  Jurina kif kienet issir il-Liturġija tal-Kelma fost il-Lhud.  Kien jinfetaħ il-Ktieb tal-Liġi u jinqraw minnu xi bċejjeċ li kienu jitfissru f’omelija lill-poplu.  Is-Salm Responsorjali li ntennu permezz ta’ Salm 18 huwa għanja ta’ radd il-ħajr lill-Mulej għax il-kelma tiegħu hija spirtu u ħajja.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna lil San Pawl ikompli d-diskors fuq il-kariżmi u jgħidilna kif fil-Magħmudija sirna fi Kristu ġisem wieħed.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil San Luqa jgħidilna għaliex kiteb il-Vanġelu:  biex jingħaraf sewwa l-qawwa tat-tagħlim li għallem Ġesù u biex juri mill-ewwel li l-missjoni tiegħu kienet it-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej tana l-kelma tiegħu biex jagħtina l-vera ħajja. Kemm tassew qed naċċetta li din il-kelma tkun il-proġett ta’ kull azzjoni fil-ħajja tagħna?
  2. Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa u għalhekk tana, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, diversi kariżmi kif itenni fit-Tieni Qari San Pawl. Għarafna x’inhuma dawn ir-rigali?  Kif qed ngħixuhom fil-ħajja tagħna pubblika ta’ kuljum?  Qegħdin infittxu li nkunu wlied Alla bl-eżempji ħajjin tagħna?
  3. Huwa l-mument illum li nagħrfu kemm tassew aħna nies li nfittxu t-tagħlim ta’ Kristu u tal-Knisja. Qegħdin nagħrfu nużaw il-ħin ħieles tagħna anki biex insiru, permezz tat-tagħlim, protagonist tal-fidi tagħna?
  4. Il-Mulej jagħtina l-Kelma tal-Ħajja biex inqawwu lid-dgħajfin.  Għandek xi impenn soċjali li fih qed tgħin lil xi ħadd batut?

Id-Djalogu

     Mulej Ġesù,

     inti ġejt bix tagħtina l-BXARA T-TAJBA,

     agħmel li fil-ħajja tagħna

     naċċetta il-kelma tiegħek,

     biex iddawwal lil dawk ta’ madwarna

     u nkunu dixxipli tal-BXARA T-TAJBA.