SINJAL, BARKA FUQ IŻ-ŻWIEĠ – It-2 Ħadd Matul is-Sena – Il-Ħadd 20 ta’ Jannar 2018
It-2 Ħadd Matul is-Sena
SINJAL, BARKA FUQ IŻ-ŻWIEĠ
Isaija 62: 1-5; Salm 95; 1 Korintin 12: 4-11; Ġwanni 2: 1-11
Il-Vanġelu
It-Tieġ ta’ Kana
Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid.” U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.” Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.” Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, mqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U dawk imlewhom sax-xifer. Mbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newwluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.” U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa.” Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Il-Ħsieb
Il-Mulej jibda l-missjoni pubblika tiegħu b’sinjal ta’ solidarjetà ma’ għarajjes ġodda fil-mument ta’ diffikultà tagħhom. Żewġ għarajjes li waqt it-tieġ naqashom l-inbid. Kienet Marija li ndunat, minkejja li kienet moħbija. Marija li dejjem hija sensittiva għall-ħtiġijiet tagħna, speċjalment għall-ħtiġijiet tal-familja. Ġesù jwettaq l-ewwel sinjal, l-ewwel miraklu, l-ewwel barka li propju ddedika lil koppja żagħżugħa fl-ewwel moment ta’ ħajja miżżewġa. Huwa sinjal importanti li mhux biss jindika l-ftuħ tal-missjoni pubblika ta’ Kristu, iżda juri kemm Kristu jgħożż u għandu għal qalbu l-ħajja miżżewġa.
Huwa ta’ min jinnota, il-kliem li qalet Marija lill-qaddejja biex seta’ jseħħ il-miraklu: Agħmlu dak li jgħidilkom HU. Huwa l-istess kliem li Marija tgħid lilna llum. Mirakli jseħħu kontinwament fil-ħajja tagħna, iżda kontinwament hemm bżonn li niftħu għajnejna biex naraw tassew il-Mulej xi jrid minna u nwettqu dak li jgħidilna Hu fil-kelma li taghtina l-ħajja.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija fejn insibu li wara li l-poplu Lhudi reġa’ lura minn Babel, beda jibni mill-ġdid il-belt ta’ Ġerusalemm għall-ħabta tas-sena 537 qabel Kristu. F’din is-silta l-profeta jara lil Ġerusalemm bħala l-għarusa maħbuba ta’ Alla. Il-laqgħa ta’ Alla ma Ġerusalemm hija ĠUSTIZZJA-XEBĦ-GĦAXQA. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 95, huwa innu ta’ tifħir lil Alla għall-għeġubijiet li għamel u li għadu jagħmel biex isalva l-poplu tiegħu. Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna lil San Pawl jitkellem dwar il-kariżmi mogħtija lill-Insara permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, rigali mogħtija għas-servizz tal-komunità kollha. Fil-Vanġelu, meħud minn San Ġwann, għandna r-rakkont tat-Tieġ ta’ Kana tal-Galilija. Huwa l-ewwel miraklu ta’ Ġesù.
Il-Ħajja
- Fil-liturġija tal-lum hemm frażi li tiddomina kollox, il-frażi li tgħid Marija: Agħmlu dak li jgħidilkom Hu. U l-miraklu jseħħ. Kemm tassew ilkoll kemm aħna, bħala Nsara, għandna l-fidi biex nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù?
- Is-salvazzjoni li twasslitilna permezz ta’ Ġesù hija għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. Hija d-dawl li lejh irridu nħarsu biex infasslu l-pjani ta’ ħajjitna.
- Il-ħidma tagħna fuq dak li jgħidilna Ġesù trid isseħħ bil-għajnuna tal-kariżmi mogħtija lilna mill-Ispirtu s-Santu kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum. Huwa propju f’dan id-dawl li rridu naħdmu tu il-ħajja tagħna biex ngħaddu l-messaġġ ta’ salvazzjoni lil qrabatna, lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom.
- Il-miraklu li jwettaq Ġesù f’ Kana tal-Galilija ma kienx biex jiddubbaw għal mument. Wettaq MIRAKLU TA’ ABBUNDANZA: il-ġarar kienu mimlija sax-xfar. L-imħabba li għandu lejna l-Mulej ma jesagħha l-ebda qies u dimensjoni. Iħobbna bl-abbundanza. Iżda aħna kif qed inħobbuh lill-Mulej?
Id-Djalogu
Mulej,
int ħabbejtna bil-ħafna
u aħna ħafna drabi lanqas nagħtuk ftit.
Għinni nħobbok b’għemili kull ħin
sabiex inwettaq,
kif qalet Ommok u Ommna,
dak li tgħidilna Inti.