Il-Magħmudija tal-Mulej – Il-Ħadd 13 ta’ Jannar 2019

Il-Magħmudija tal-Mulej – Il-Ħadd 13 ta’ Jannar 2019

January 6, 2019

Il-Magħmudija tal-Mulej

MANIFESTAZZJONI TAL-MISSJONI TAL-MULEJ

Isaija 42: 1-7; Salm 28; Atti 10:34-38; Luqa 3:15-16; 21-22

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.” Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: «Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.”

 

Il-Ħsieb

     Wara l-Manifestazzjoni tal-Mulej Ġesù fit-twelid tiegħu, wara li reġa’ wera l-missjoni tiegħu lit-tliet Slaten Maġi fl-Epifanija, insibu t-tielet manifestazzjoni tal-Mulej Ġesù, dik fil-Magħmudija tiegħu li tiftaħ il-ħajja pubblika tiegħu.  Din il-manifestazzjoni fil-Magħmudija ta’ Ġesù turi l-missjoni ċara li Ġesù għadu jwettaq fuq din l-art.  Fil-leħen mis-sema li jtenni DAN HUWA IBNI L-GĦAŻIŻ, FIH IL-GĦAXQA TIEGĦI, insibu l-konferma ta’ dak li Ġesù ġie biex iwettaq fuq din l-art:  ir-rieda tal-Missier, it-twettiq fit-totalità tal-Pjan tas-Salvazzjoni.  Huwa l-mument li fih jitħabbar b’mod solenni: is-sema miftuħ il-ħamiema, il-leħen tal-Missier, il-ħidma u l-missjoni li Ġesù ġie biex iwettaq.

     Il-festa tal-lum hija mument importanti għalina l-Insara mhux biss għax naraw il-mandat li għandu Ġesù biex iwettaq il-missjoni tiegħu, iżda wkoll għaliex fl-istess mument nagħrfu li fil-Magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna għandna mandat li nxandru u nħabbru li s-Saltna tas-Smewwiet tinsab diġà fostna.  Fil-Magħmudija tagħna l-Knisja taċċettana fil-komunità ta’ l-Insara iżda dan id-dritt irridu npattu għalih bid-dmir tagħna li nkunu nsara veri, ħajjin permezz tal-fidi tagħna, li ngħixu ġurnata wara oħra.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, insibu lil Isaija jitkellem dwar qaddej ta’ Alla speċjali.  Huwa qaddej li fuqu Alla jqiegħed l-ispirtu tiegħu biex iġib lill-ġnus is-salvazzjoni li tiġi minn Alla: – il-ġustizzja. Fis-Salm Responsorjali minn Salm 28 insibu għanja ta’ tifħir lil Alla li l-glorja tiegħu dehret waqt il-Magħmudija ta’ Kristu fejn Alla xandru bħala ibnu u għamlu salvatur tal-bnedmin.  Fit-Tieni Qari mill-Atti ta’ l-Appostli nsibu l-bidu tad-diskors ta’ Pietru fid-Dar taċ-Ċenturjun pagan Kornelju.  Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ iżda lejn kull min għandu l-biża’ tiegħu.  Pietru jippreżenta lil Kristu lill-pagani bħala dak li ġie kkonsagrat minn Alla bl-Ispirtu s-Santu u li għadda ħajtu jfejjaq u jagħmel il-ġid.

     Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna, fl-ewwel parti, lil Ġwanni l-Battista jfiehem min huma u x’kienet il-missjoni ta’ Kristu.  Waqt il-Magħmudija ta’ Kristu nsibu l-konferma mis-sema tal-missjoni ta’ l-istess Ġesù Kristu.

Il-Ħajja

  1. Fl-Ħajja tagħna ta’ kuljum, kemm tassew qed ngħixu b’konvinzjoni dak li rċevejna fil-magħmudija? Kemm qed inħossuna parti minn komunità ta’ fidi?
  2. Kemm inħossu, kull ħin, il-preżenza ta’ Kristu li jfejjaqna minn ħtijietna u li jimxi magħna fi dmirijietna?
  3. Ġesu Kristù huwa l-Qaddej ta’ Alla li wettaq ir-rieda ta’ Missieru. Kemm aħna disposti li nwettqu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna?
  4. Fis-Salm Responsorjali tennejna li leħen il-Mulej hu setgħan. Kemm tassew qed nisimgħu, naċċettaw, ngħixu u nxandru l-kelma ta’ Alla li writna fil-mument tal-Magħmudija tagħna?

Id-Djalogu

  Mulej,

  fil-manifestazzjoni tal-Magħmudija tiegħek

  qawwina bil-grazzja,

  biex nifhmu d-dmirijiet li rċevejna

  fil-Magħmudija tagħna.

  Grazzi, Mulej Ġesù.

  Għinni nfittxek kull ħin fil-Kotba Mqadds u fl-Ewkarisja,

  ħa nsaħħaħ dak li writt fil-Magħmudija.