WIRJA GĦAL KULĦADD – L-Epifanija tal-Mulej – Il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019

WIRJA GĦAL KULĦADD – L-Epifanija tal-Mulej – Il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019

December 26, 2018

L-Epifanija tal-Mulej

WIRJA  GĦAL  KULĦADD

Isaija 60: 1-6; Salm 71; Efesin 3:2-6; Mattew 2:1-12

Il-Vanġelu

     Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh.” Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

                 WiseMenAdorationMurillo‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda,

                 le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda

                 għax minnek joħroġ mexxej

                 li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.’

     Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu.” Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. ]Mbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Ħsieb

     Deheb, Inċens u Mirra huma t-tliet rigali li offrew il-Maġi lil Ġesù  Fihom il-Knisja dejjem rat tifsira spiritwali.  Dik it-tarbija kienet sultan ta’ Alla, iżda bħala bniedem kellu jgħaddi mit-tbatija.  Ir-rigali setgħu wkoll kienu l-għodda li bihom il-Maġi kienu jwettqu s-sengħa tagħhom.  It-tarbija ta’ Betlem bidlithom u l-passat xtaqu jħalluh warajhom.  Illum fl-Ewkaristija aħna l-Insara se nilqgħu l-manifestazzjoni ta’ Alla li, biex isaltan fuqna bl-imħabba, ried ibati għalina.  Importanti li lkoll kemm aħna nilqgħuh billi nħallu l-imgħoddi warajna.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija nsibu li, meħlusin mill-jasar ta’ Babel, il-Lhud ġejjin lura Ġerusalemm.  Fuqna qiegħda issa tiddi d-dija tal-Mulej bil-glorja tiegħu.  Il-ġnus kollha se jingħaqdu mal-Lhud lejn dan id-dawl…

     Is-Salm 71 huwa għanja ta’ tifħir għax il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtu qima lill-Mulej.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra lill-Efesin, juri li l-Pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni m’huwiex għal-Lhud biss, iżda għal kulħadd.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna ż-żjara tat-tliet slaten Maġi li nsew il-passat u d-dinjità tagħhom u ġew jaduraw lil Ġesù.

Il-Ħajja

  1. X’offrejnielu lil Ġesù Bambin dan il-Milied? Ikel, xorb u divertiment?  Offrejna l-istess ħajja tagħna mingħajr kompromessi mal-ħażen ta’ kuljum?
  2. Kemm tassew ilkoll kemm aħna lesti li nħallu l-passat warajna u naduraw u nxandru lil Ġesù fl-ambjent tagħna?
  3. X’qed noffrulu lil Ġesù kuljum? Kemm qed infittxuh fil-proxxmu tagħna?  Kemm qed nagħtuh il-fiduċja tagħna lkoll?
  4. Il-Mulej wera ilu nnifsu lilna… qegħdin naħdmu biex inwassluh ħalli jidher f’dawk ta’ madwarna?

Id-Djalogu

  Mulej Ġesù

  Inti ġejt fid-dinja u wrejt ruħek lil kulħadd

  biex kulħadd ikun jaf bik.

  Għinna sabiex nagħtu xhieda tiegħek,

  f’dawk ta’ madwarna

  sabiex tassew, it-twelid tiegħek

  iġedded qlubna, ħajjitna u l-ambjent tagħna,

  u ngħixu l-fidi tagħna

  bi sfida kull ħin għall-egoiżmu li jiġri magħna.

  Grazzi, o Ġesù

  li nżilt ħdejna u wrejt ruħek

  lill-ġnus kollha.