HAWN ĦAFNA XOGĦOL, IMMA FTIT ĦADDIEMA – Il-11-il Ħadd Matul is-Sena A – 14 ta’ Ġunju 2026

HAWN ĦAFNA XOGĦOL, IMMA FTIT ĦADDIEMA – Il-11-il Ħadd Matul is-Sena A – 14 ta’ Ġunju 2026

June 6, 2026

Il-11-il Ħadd Matul is-Sena

HAWN ĦAFNA XOGĦOL, IMMA FTIT ĦADDIEMA

Eżodu 19: 2-6a; Salm 99; Rumani 5:6-11; Mattew 9, 36-10,8

 

Il-Vanġelu:

F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.

L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

 

Il-Ħsieb

Imma x’nista’ nagħmel għal Ġesù?  Ħafna drabi naħseb li huwa biss jista’ jwettaq xi ħaġa għalija.  Possibbli li jiena kapaċi nippriedka, inwassal messaġġ ta’ mħabba, ta’ tama, ta’ faraġ meta f’ħajti dejjem neqred?  Iva, illum il-Mulej qed jgħidilna li hawn ħafna ħafna xogħol iżda l-ħaddiema huma ftit.  Hawn ħafna xogħol iżda ftit isib nies disposti li jaħdmu fl-għalqa tiegħu.  Il-Mulej ikompli jagħmel appelli kuljum biex naħdmu fl-għalqa.  Hemm bżonn li dak li żera’ Hu u li għadu jiżra’ bil-kelma tiegħu jilħaq il-qlub ta’ ħafna bnedmin.  Ma noqogħdux ngħidu li m’aħniex kapaċi.  Kulħadd huwa tajjeb għal xi ħaġa, u propju għalhekk il-Vanġelu tal-lum mhux biss jgħidilna lil min għażel Ġesù iżda jsemmihom b’isimhom biex juri li huma wkoll bnedmin u li saħansitra wieħed minnhom, proprju wieħed minn dawk li għażel Ġesù b’ismu, ċaħdu.

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu, għandna r-rakkont tal-Patt li Alla għamel mal-poplu Lhudi, Patt ta’ mħabba wara l-Eżilju.  Is-Salm 99 huwa għajta ta’ fiduċja fil-Mulej — AĦNA L-POPLU TAL-MULEJ.  Għajta ta’ konvinzjoni li trid tkun l-għajta tagħna llum.

Mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, li nsibu fit-Tieni Qari tal-lum, San Pawl jurina l-imħabba li Alla għandu għalina permezz ta’ tqabbil ma’ dak li konna qabel ma ġie fid-dinja Kristu u fdiena.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesù jtenni li l-ħsad hu kbir iżda l-ħaddiema ftit.  Itenni li hemm bżonn nitolbu lil Sid il-Ħsad jibgħat aktar ħaddiema.  Jissemmew it-tnax, inkluż Ġuda li ttradih.

 

Il-Ħajja

  1. It-tema ċentrali hi li l-missjoni li l-Mulej jafda f’idejna lkoll

biex inħabbru s-Saltna ta’ Alla hija attwali.

  1. Alla ħabb lid-dinja. Ħabbha mingħajr limitu kif rajna fl-

Ewwel Qari meħud mill-Eżodu bil-ġrajja tal-Patt li Alla

għamel mal-poplu Lhudi u kif rajna wkoll fit-Tieni Qari fl-

Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn jurina tassew kemm

ħabbna l-Mulej, saħansitra permezz ta’ Ibnu.

  1. Ix-xogħol ta’ kull nisrani huwa li jaħdem b’mod speċjali

man-ngħaġ il-mitlufa.

  1. Meta tisma’ dak li qed jiġri kuljum, anki fis-soċjeta Maltija,

ma għandekx ħin bħala nisrani li toqgħod titkaża iżda li

tkun ĦADDIEM FL-GĦALQA TAL-MULEJ.

 

Id-Djalogu

Mulej, agħmel li naħdmu miegħek

tul ħajjitna kollha.