Il-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret – Il-Ħadd 29 ta’ Diċembru
Il-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret
MAGĦQUDIN FL-IMĦABBA
Bin Sirak 3:2-6; 12-14; Salm 127, 1-5; Kolossin 3: 12-21; Mattew 2, 13-15, 19-23
Il-Vanġelu
Meta telqu, deher anġlu tal-Mulej f”ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.” Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’
Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel.” Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti,
Il-Ħsieb
Quddiem kultura ta’ perseverità akkanita kontra l-familja permezz ta’ mentalità liberali li, permezz tad-divorzju u l-abort, qiegħda tnawwar it-tisħiħ ta’ l-għaqda familjari, id-dehra tal-familja ta’ Nażaret tidher utopika għal dawk li mar jridux li l-vera valuri tal-familja jinżammu. Fid-dehra tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret hemm lingwaġġ radikali u li ħafna llum ma jridux jagħrfuh. Lingwaġġ li l-membri tal-familja, li jridu jwettqu r-rieda ta’ Alla, iridu jimpenjaw ruħhom b’sens kbir ta’ sagrifiċċju għal xulxin għax jemmnu fil-preżenza qawwija u ħajja ta’ Ġesù f’nofshom. Huwa dan l-impenn ta’ ħajja totali għal xulxin li ħafna nsara li jgħidu li jemmnu m’humiex lesti li jagħmlu. Fil-Vanġelu tal-lum nindunaw li x-xogħol ta’ Marija u Ġużeppi kien li jobdu l-ordnijiet li jagħmlilhom il-Mulej. Kemm qed jiġri dan fil-familji tagħna?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-ktieb ta’ Bin Sirak, insibu li min jibża’ mill-Mulej iweġġaħ lill-ġenituri tiegħu. Dan it-test ifisser il-Kmandament li nsibu fl-Eżodu 20.12. Is-Salm Responsorjali tal-lum, meħud minn Salm 127, 1-5 ifaħħar il-bniedem it-tajjeb għax daru jkollha l-barka ta’ Alla fuqha. San Pawl, fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin, itenni kif għandha tkun il-ħajja fid-dar fil-Mulej. Jenfasizza l-ħniena, tjieba, umiltà ħlewwa u sabar. “Stabru b’xulxin!” Fil-Vanġelu tal-lum naraw ritratt bil-problemi li kellha l-Familja Mqaddsa.
Il-Ħajja
1. Kemm qed nagħmlu mill-ħajja familjari tagħna familja fil-Mulej?
2. Ma nibżgħux mill-problemi u l-irwiefen. Il-fidi ta’ kull membru tal- familja flimkien toħloq blata.
3. Kemm tassew kull membru tal-familja lest jgħix ħajtu b’sagrifiċċju għal xulxin?
4. It-talb biss jgħaqqad il-familja.
Id-Djalogu
Mulej Ġesù
agħti l-għajnuna u l-barka tiegħek
lill-familji nsara biex jgħixu flimkien
il-missjoni li fdajtilhom.