IL-ĠEBLA TAX-XEWKA – Is-27 Ħadd Matul is-Sena A – 8 t’Ottubru 2023

IL-ĠEBLA TAX-XEWKA – Is-27 Ħadd Matul is-Sena A – 8 t’Ottubru 2023

September 24, 2023

Is-27 Ħadd Matul is-Sena

IL-ĠEBLA TAX-XEWKA

Isaija 5: 1-7; Salm 79;  Filippin 4: 6-9; Mattew 21: 33-43

 

Il-Vanġelu

“Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra. Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu.  Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawwtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess. Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal.  Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’ Qabduh, xeħtuh ‘il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”  Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u  l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.” Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li

‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna’?

Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.

 

Il-Ħsieb

Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka
Il-Mulej bagħat lil Ibnu stess u mhux talli ma smajniex minnu talli nkomplu nwarrbuh kuljum bl-għemil tagħna.  Huwa l-messaġġ qawwi ta’ ingratitudni li lkoll kemm aħna ngħaddu minnu fil-ħajja tagħna.  Mumenti fejn, minkejja li nafu l-grazzja kbira li Alla għandu għalina, nibqgħu nagħmlu għażliet ’il bogħod minn dak li jrid Alla minna.  Nafu li għandna għalqa ta’ frott minn fejn nitrejqu iżda nkomplu nagħżlu li noqtlu u nifgaw kemm il-profeti ta’ Alla kif ukoll lill-istess Ibnu.  Kif naraw ukoll fl-Ewwel Qari, l-għalqa tad-dwieli tfisser l-imħabba kbira li għandu Alla għall-poplu tiegħu u min-naħa l-oħra għandna l-infedeltà u l-ingratitudni li l-bniedem jirreċiproka l-imħabba ta’ Alla.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, għandna lil Isaija jispjega kif l-għalqa tad-dwieli hija sinjal ta’ l-imħabba kbira li Alla għandu lejn il-poplu tiegħu.  Il-poplu iżda jirreċiproka bl-infedeltà u għalhekk l-għalqa tittieħed u tingħata lill-ġnus.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 79, għandna l-għalqa tal-Mulej, li hija aħna, u għalhekk hija għanja biex il-Mulej jieħu ħsiebna f’imħabbtu.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ SanPawl lill-Filippin, għandna lil San Pawl iħeġġeġ lin-nies ta’ Filippi biex jitolbu sabiex jikbru fl-imħabba bejniethom u lejn Alla.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna l-parabbola simili għal ta’ Isaija bil-kastig li għadda minnu l-poplu Lhudi għax ma ndunax bil-grazzja tas-Saltna ta’ Alla.  Il-Mulej juri kif is-Saltna ta’ Alla għaddiet minn idejh għal idejn il-Knisja.

Il-Ħajja

1.  Kemm tassew tifhem il-grazzja li l-Mulej tak fis-Saltna tiegħu?

2.  Kemm taħdem inti fl-għalqa tal-Mulej?  X’qed tagħmel kuljum?

3.  Tarahom il-mumenti ta’ ingratitudni li tagħmel lill-Mulej?

4.  Kif qed tindem minnhom?

Id-Djalogu

Mulej, agħmel li nifhem ix-xogħol tiegħi

fl-għalqa tiegħek.

  • grazzi hafna ax sibtu ta interes biex infisru lit tfal ta dudrina .

  • Leave a Reply

    Your email address will not be published. Required fields are marked *

    This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.