IR-RIFJUT TA’ STEDINA – It-28 Ħadd Matul is-Sena A – 15 t’Ottubru 2023
It-28 Ħadd Matul is-Sena
IR-RIFJUT TA’ STEDINA
Il-Vanġelu
Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu. U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom, ‘Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa.’ Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom. Mbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejjħu għall-festa lil kull min issibu.’ Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu, ‘Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?’ Dak tbikkem. Mbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, ‘Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!’ Għax ħafna huma l-imsejjħin, imma ftit il-magħżulin!”
Il-Ħsieb
Kemm-il darba naċċettaw li nixorbu mill-għajn tad-desperazzjonijiet li toffrilna d-dinja bil-kompromessi tagħha u ma naċċettawx li nixorbu mill-għajn li tagħti l-ħajja li huwa Ġesù Kristu nnifsu? Kemm-il darba rrifjutajna li nixorbu mill-għejjun tas-salvazzjoni, speċjalment fl-Ewkaristija Mqaddsa?
Huwa wkoll importanti li meta naċċettaw li mmorru għall-ikla tat-tieġ immorru lebsin tajjeb u xieraq, jiġifieri li nkunu konvinti mit-twettiq tar-rieda ta’ Alla fil-proġetti ta’ ħajjitna.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija l-profeta, l-Awtur, f’isem il-poplu, ifaħħar lil Alla tal-ħelsien li ta lill-poplu Lhudi. Is-salvazzjoni tiġi mxebbħa ma’ pranzu kbir li wieħed jipprepara b’kull xorta ta’ ikel. Is-Salm Responsorjali minn Salm 22 huwa innu ta’ tifħir u talba għall-kenn li wieħed isib meta jgħammar f’Dar il-Mulej. Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ittra lill-Filippin, San Pawl itenni li huwa ma jridx ikun piż fuq ħadd u jirringrazzja lill-Insara ta’ Filippu li kienu għenuh. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna l-parabbola fejn is-Saltna tas-Smewwiet ġiet imxebbħa ma’ stedina għat-tieġ.
Il-Ħajja
1. Qatt indunajt kemm-il stedina ta’ Ġesù rrifjutajt f’ħajtek?
2. Fejn u kif qed tfittex il-ferħ fil-ħajja tiegħek?
3. Kemm qed tersaq mal-mejda tal-Mulej fl-Ewkaristija?
Id-Djalogu
Mulej, agħmel li qatt ma ngħid le
għas-sejħa tiegħek.