IL-PUBBLIKANI U N-NISA TAT-TRIQ QABILKOM – Is-26 Ħadd Matul is-Sena A – 1 t’Ottubru 2023

IL-PUBBLIKANI U N-NISA TAT-TRIQ QABILKOM – Is-26 Ħadd Matul is-Sena A – 1 t’Ottubru 2023

September 24, 2023
0

Is-26 Ħadd Matul is-Sena

IL-PUBBLIKANI U N-NISA TAT-TRIQ QABILKOM

Eżekjel 18, 25-28; Salm 24;  Filippin 2, 1-11; Mattew 21: 28-32

Il-Vanġelu

Il-parabbola taż-żewġ ulied

“Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.’ U dak qallu, ‘Ma rridx.’ Iżda mbagħad biddel  il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. ‘Arani sejjer, sidi,’ qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?” “L-ewwel wieħed,” weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.

 

Il-Ħsieb

Il-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta' Alla
Kontra l-faċċoliżmu!  Hija indikazzjoni ta’ l-awtentiċità li biha Ġesù jridna ngħixu l-fidi tagħna.  Iridna nuru l- awtentiċità tal-fidi tagħna fid-diskors u fl-għemil tagħna.  L-enfasi hija fuq ir-reponsabbiltajiet li għandu kull wieħed minna quddiem il-Kelma ta’ Alla.  Alla jrid is-sinċerità tal-qalb tagħna u għalhekk importanti li lkoll kemm aħna nagħrfu nixmu bis-sinċerità ma’ Alla u mal-bnedmin.  Quddiem dinja li tippriedka l-gideb u tifga l-verità, il-ħajja tan-nisrani trid tkun waħda awtentika, li minnha nfisha tagħti xhieda u xxandar il-verità.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  F’din is-silta l-profeta Eżekjel jitkellem dwar ir-responsabbiltajiet personali li għandhom il-bnedmin quddiem il-kelma ta’ Alla.  Wieħed isalva jew jintilef skond id-dispożizzjoni tal-qalb tiegħu.  Is-Salm Responsorjali huwa meħud minn Salm 24 fejn għandna talba lill-Mulej biex ma jiftakarx il-ħtija tagħna iżda jaħfer u jagħder l-għemil tagħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, għandna appell biex l-Insara jkunu qalb waħda u ruħ waħda.  Biex inħobbu lil Kristu jeħtieġ li nkunu umli.  Fil- Vanġelu tal-lum għandna lil San Mattew jirrakkonta daqsxejn ta’ parabbola li fiha ried juri dak li l-qassisin il-kbar kienu qed jagħmlu quddiem is-sejħa ta’ Alla.  Alla jrid il-bidla tal-qalb.

Il-Ħajja

1.  Kemm-il darba fil-ħajja tagħna lill-Mulej ngħidulu iva u wara nagħmlu ta’ rasna?

2.  Kemm tassew ir-reliġjon tagħna mmewtuha meta l-fidi tagħna ssir biss riti u tradizzjonijiet b’mod li l-qalb ma tirrispondix għas-sejħa ta’ Alla?

3.  Kemm-il darba ħassejt il-ferħ tal-midneb li jerġà lura minn dnubietu?  Kemm qed ngħixu bil-ferħ is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni?

4.  Kemm qed nemmnu t-tagħlim tal-Knisja, u kemm nafu dan it-tagħlim biex nifhmu r-rieda ta’ Alla fuqna?

Id-Djalogu

Mulej, għallimni ngħix mingħajr

ipokresija l-fidi tiegħi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.