IL-ĠUSTIZZJA TAL-MULEJ – Il-25 Ħadd Matul is-Sena A – 24 ta’ Settembru 2023

IL-ĠUSTIZZJA TAL-MULEJ – Il-25 Ħadd Matul is-Sena A – 24 ta’ Settembru 2023

September 8, 2023
0

Il-25 Ħadd Matul is-Sena

IL-ĠUSTIZZJA TAL-MULEJ

Isaija 55: 6-9; Salm 144; Filippin 1,20c-24, 77a; Mattew 20: 1-16

 

Il-Vanġelu (Mt 20: 1-16)

“Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ fil-għodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom, ‘Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom.’ U marru. Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom, ‘Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?’ Qalulu, ‘Għax ħadd ma qabbadna.’ Qalilhom,’Morru intom ukoll l-għalqa. ‘Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu, ‘Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk ta’ l-ewwel.’ Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew ta’ l-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu, ‘Dawn ta’ l-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!’ Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, ‘Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta’ l-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?’ Hekk ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel, u ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar.”

Il-Ħsieb

ta' l-aħħar jiġu l-ewwel, u ta' l-ewwel jiġu l-aħħar
Il-Mulej isejjaħ f’ħinijiet diversi u jħallas l-istess paga.  Tidher inġustizzja kbira mad-daqqa t’għajn.  Iżda propju minn dan il-Vanġelu toħroġ il-ġustizzja kbira ta’ Alla.  Alla jħares dak li jwiegħed u lill-ħaddiema kollha tahom dak li wegħidhom.  Kien hemm tgergir u tgemgim bħalma kien għamel ħu l-iben il-ħali meta ġie lura u missieru għamel festa lil ħuħ li kien berbaqlu flusu man-nisa tat-triq.  Ħafna drabi aħna nagħmlu l-istess.  Ma nifhmux u ma narawx il-ħniena kbira li Alla għandu għall-midinbin.  U ħafna drabi nippretendu li niġġudikaw aħna, aħna li xi drabi ma nindunawx bit-travu li għandna f’għajnejna.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud minn Isaija, insibu silta li nkitbet lejn it-tmiem ta’ l-eżilju aħrax ta’ Babel fejn il-poplu jagħraf li l-ħelsien mill-jasar huwa frott tal-ħniena kbira ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali minn Salm 144 huwa għajta lill-Mulej li huwa qrib lejn kull min isejjaħlu.  Fit-tieni Qari mill-Ittra lill-Filippin, San Pawl itenni li n-nisrani jikseb il-milja ta’ ħajtu meta jgħix magħqud mal-Mulej Ġesù.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna r-rakkont tas-Sid li ħareġ isejjaħ il-ħaddiema kull siegħa u jħallashom skond kif wegħidhom.

Il-Ħajja

1.  Ħafna drabi moħħna biex niġġudikaw lil ħaddieħor. Irridu nifhmu li l-Mulej ma jimxix kif naħsbu aħna.

2.  Il-ħniena tal-Mulej hija infinita u għalhekk importanti li nħallu lill-Mulej imexxina hu.

3.  Aktar milli nkunu pronti li niġġudikaw fin-negattiv lil ħaddieħor, huwa importanti li ngħinu lil ħaddieħor.

4.  Hemm bżonn niftħu qalbna beraħ aktar għall-imħabba ta’ Kristu.

Id-Djalogu

Mulej, għallimni nifhem aktar imħabbtek

u ma niġġudikax lil ta’ madwari.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.