KEMM SE NDUM NAĦFER? – L-24 Ħadd Matul is-Sena A – 17 ta’ Settembru 2023

KEMM SE NDUM NAĦFER? – L-24 Ħadd Matul is-Sena A – 17 ta’ Settembru 2023

September 7, 2023
0

L-24 Ħadd Matul is-Sena

KEMM SE NDUM NAĦFER?

Bin Sirak 27: 33-28, 9; Salm 102; Rumani 14: 7-9; Mattew 18:21-35

 

Il-Vanġelu

     Imbagħad Pietru resaq lejh u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”  “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet,” wieġbu Ġesù,”imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu, ‘Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok.’  Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu. Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. ‘Ħallas dejnek,’ qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, ‘Stabar ftit bija u nroddlok.’ Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih. Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewwdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.  Mbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, ‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’ U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma  kellu jagħti.  Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.”

 

Il-Ħsieb

Ma ngħidlikx sa seba' darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba
     Min jaf kemm-il darba staqsejna din id-domanda:  imma kemm se ndum naħfer, kemm se ndum naqla’ ġo fija?  Hija karba komuni ta’ nies li ħafna drabi tassew li jkunu qed jagħmlu l-isforz ġenwin biex jaħfru u biex ikunu jgħixu l-ħajja tagħhom nisranija.  Ġesù llum fil-Vanġelu jagħtina l-faraġ u l-kuraġġ biex inkomplu naħfru mingħajr limitu. Ġesù jkompli jenfasizza li rridu naħfru minn qalbna.  Mhux ngħidu naħfer iva u ninsa le.  Irridu naħfru mingħajr limiti.  Diffiċli?  Iżda l-ħajja nisranija mhix faċli.  L-eżempju tagħna huwa Kristu Msallab li ġie maqtul għax ġie biex jagħmel il-ġid.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, naraw li min irid jimxi fuq il-liġi ta’ Alla ma jistax jimxi fuq il-liġi “għajn b’għajn u sinna b’sinna”.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 102, juri kemm tassew il-Mulej huwa ħanin u ta’ qalb tajba għax jaħfer kontinwament lilna l-midinbin.  Fl-Ittra ta’ San Pawl, fit-Tieni Qari tal-lum, l-Appostlu jeżorta lill-Insara biex jirrispettaw id-drawwiet ta’ xulxin u fuq kollox jaraw li jagħtu l-ġieħ lil Kristu fl-azzjonijiet tagħhom.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna l-parabbola tal-qaddej li lilu ġiet maħfura piena iżda huwa ma ħafirx.

Il-Ħajja
  1. Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.
  2. Kemm aħna lesti li nkomplu naħfru?
  3. F’ħajjitna nsellmu biss lil min isellem lilna u jaqbel magħna?
  4. Inħarsu lejn Kristu Msallab fil-mumenti tar-rabja u ta’ l-azzjonijiet ħżiena li nirċievu.  Hu jagħtina risposta mill-ewwel.
Id-Djalogu

  Mulej għallimni naħfer mingħajr kundizzjoni.

  Rattab il-qalb tiegħi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.