SINĊERITÁ U XHIEDA – It-30 Ħadd matul is-sena Ċ – 23 ta’ Ottubru 2016

SINĊERITÁ U XHIEDA – It-30 Ħadd matul is-sena Ċ – 23 ta’ Ottubru 2016

October 9, 2019
0

It-30 Ħadd Matul is-Sena

SINĊERITÁ U XHIEDA

Bin Sirak 35, 12-14; 16-18; Salm33; 2 Timotju 4, 6-8; 16-18; Luqa 18: 9-14

Qari mill-Evangelju ta’ San Luqa

F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:

«Żewġt irġiel, wieħed fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgha u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal.”

Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”

Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.»

Il-Ħsieb

Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar Lq 8:14
Kemm-il darba fil-ħajja tagħna għexna ż-żewġ karattri jew personaġġi tal-parabbola tal-lum, il-pubblikan u l-fariżew?  Kemm-il darba ħajjitna kienet tixbaħ dik tal-fariżew li nilagħbuha tal-qaddisin u mhux nippruvaw kuljum ngħixu u niġġieldu kontra d-dgħufija tagħna biex inkunu qaddisin?  U l-pubblikan?  Kemm kienu dawk il-mumenti li għarafna bis-sinċerita d-dgħufija ta’ ħajjitna u l-Mulej b’umiltÁ kbira ngħidulu aħfrilna u nippruvaw nibdew mill-ġdid?  Il-fariżew u l-pubblikan, żewġ direzzjonijiet differenti ta’ ħajja, żewġ għażliet differenti li niltaqgħu magħhom kuljum?  Jew inkunu suppervi u ngħidu li aħna biss “the best”, tajbin u perfetti u li ħadd ma jista’ għalina daqskemm aħna qaddisin, bħalma għamel il-fariżew jew l-atteġġjament ta’ umiltà kbira li wettaq il-pubblikan?  Huma l-għażliet biex ngħixu li rridu nwettqu kuljum.  Kemm qed ngħixu s-sinċerità fuq kull livell ta’ kuntatt f’ħajjitna, inkluż magħna nfusna u ma’ Alla?  Hija biss din it-triq li biha nistgħu niksbu s-salvazzjoni.   Ma teżisti l-ebda triq oħra.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, insibu li l-offerta lil Alla la għandha tkun meħuda mill-qligħ inġust u lanqas minn għemil ta’ inġustizzja oħra.  L-offerta lil Alla hija mkejla mill-kobor tal-qalb.  Alla ma jħarisx lejn il-wiċċ iżda lejn il-qalb.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 33, insibu “Il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu.”  Hija l-garanzija li l-Mulej qatt m’hu se jħallina waħedna.  Fit-Tieni qari, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, għandna t-Testment ta’ San Pawl fid-deskrizzjoni tas-sbuħija u l-iebes fil-ħajja ta’ l-Appostlu.  “Il-Mulej jeħlisna minn kull deni” hija espressjoni tal-qawwa li l-Mulej jagħti lil dawk li jsegwuh u jippruvaw minkejja d-dgħufija tagħhom iwassluh lill-oħrajn.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna s-silta tal-parabbola tal-fariżew  u l-pubblikan, wieħed supperv u jiftaħar li huwa ġust u l-ieħor b’umilta kbira jistqarr li huwa dgħajjef u ma jiflaħx spiritwalment.  Is-salvazzjoni tingħata lil min jagħraf tassew il-ħtieġa tagħha.

Il-Ħajja

1.  Hemm bżonn li nħarsu f’mera u nkunu sinċieri magħna nfusna. Fejn huma d-difetti tagħna?  Irridu ninbidlu?

2.  Qegħdin insejħu lill-Mulej bl-umiltà kollha?

3.  Kemm qed nagħrfu tassew il-ħtijiet tagħna?

4.  Qed nitqabdu t-taqbida t-tajba?

5.  Kemm qegħdin nagħrfu li “Jiena lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama” (Salm 129)?

6.  Is-salvazzjoni nakkwistawha jekk l-ewwel u qabel kollox tassew irriduha.

Id-Djalogu

Mulej,

inti l-kenn tiegħi,

għallimni nagħraf ir-rieda tiegħek

u b’umilta kbira nagħraf il-ħtijiet tiegħi,

sabiex inti tfejjaqni

u tħaddanni miegħek kull ħin.

Grazzi, Mulej, tal-fejqan!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.