ALLA TAL-ĦAJJIN – It-32 Ħadd matul is-sena Ċ – 10 ta’ Novembru 2019
It-32 Ħadd Matul is-Sena
ALLA TAL-ĦAJJIN
2 Malakija 7: 1-2, 9-14; Salm 16; 2 Tessalonkin 2: 16-3,5; Luqa 20: 27-38
Il-Vanġelu
Il-Qawmien mill-Imwiet
(Mt 22, 23-33; Mk 12, 18-27)
Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem,” qalulu,”Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien ta’ l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha.” Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta’ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa Hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”
Il-Ħsieb
Ninsabu fix-xahar li fih niftakru fl-għeżież tagħna mejtin. Fix-xahar ta’ Novembru bla ma trid tħoss xi ftit niket. Jorbotna ma’ dawk li ma għadhomx aktar magħna, li telqu qabilna fil-vjaġġ tagħhom għall-eternitaÏ. U min jaf kemm-il darba għaddew ħsibijiet minn moħħna ta’ x’se jsir minn din il-ħajja!
Ħafna kumplikazzjonijiet u ħsibijiet żejda fil-ħajja tagħna nagħmluhom għax inħaddnu l-prinċipju tas-Sadduċej li ma kinux jemmnu fil-qawmien u għalhekk kollox isir kumplikat u jispiċċa fix-xejn minn dak kollu li ngħaddu minnu f’din il-ħajja.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej, insibu għall-ewwel darba fit-Testment il-Qadim stqarrija ta’ twemmin fil-qawmien mill-imwiet. Fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Antijoku, il-qtil ta’ tant Lhud tajba qajjem fost il-poplu t-tama ta’ dan il-qawmien. Is-Salm Responsorjali huwa stqarrija li dawk li jibqgħu fil-liġi tal-Mulej meta jqumu jaraw id-dawl tiegħu. Fit-Tieni Qari għandna silta mit-Tieni ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin fejn San Pawl jissokta jitlob għall-insara tat-Tessalonika biex ifehimhom li ma jistgħux jaslu waħedhom għas salvazzjoni iżda jrid ikun hemm l-għajnuna ta’ Alla. Fil-Vanġelu meħud minn San Luqa, għad-domanda “hemm tassew qawmien mill-imwiet?” insibu li t-tweġiba ta’ Ġesù mhix waħda mibnija fuq ix-xjenza iżda fuq il-fidi.
Il-Ħajja
1. Inti konvint mill-qawmien wara din il-ħajja?
2. Kif qed tgħix il-fidi tiegħek issa?
3. Kemm qed tagħmel investimenti fis-sema?
4. Kemm tassew temmen li l-mixja tagħna fuq din l-art se titkompla mal-Mulej għall-eternitaÏ? Kemm tassew qed tgħix il-Kelma ta’ Alla f’dan id-dawl?
5. Alla tiegħek huwa Alla tal-ħajjin jew tal-mejtin?
Id-Djalogu
Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,
ilqa’ l-għajta tiegħi,
agħti widen għal talbi
li ġej minn xofftejn bla qerq.