JIENA HU! MISSUNI – It-3 Ħadd tal-Għid [B] – 14 t’April 2024
It-3 Ħadd ta’ l-Għid
JIENA HU! MISSUNI
Atti 3: 13-15, 17-19; Salm 4; 1 San Ġwann 2: 1-5a; Luqa 24:35-48
Il-Vanġelu
F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.” Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa ta’ l-ikel hawn?” Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.
Mbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, ‘Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.’ “
Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”
Il-Ħsieb
Il-Mulej jurina kif il-messaġġi qawwija tiegħu jinsabu fl-Iskrittura Mqaddsa. Kif itenni lill-Appostli, jgħid l-istess lili u lilek illum. Hemm bżonn li niftħu għajnejna u nkunu nafu tassew min huwa l-Mulej u x’għamel għalina. Hemm bżonn li nkunu nafu li l-qawwa tal-Mulej magħna hija qawwa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha u għalhekk hemm bżonn li nkunu nafu tassew xi jrid minna l-Mulej permezz ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, kif ukoll għandna r-responsabbiltà kbira li nkunu xhieda tagħha.
Għandna l-kuraġġ li nerfgħu din ir-responsabbiltà li nkunu xhieda tal-Mulej fil-mumenti kollha ta’ ħajjitna? Dwar dan importanti li naraw il-messaġġ li tagħtina l-Kelma tal-Mulej illum.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn San Pietru kien għadu kemm fejjaq wieħed magħtub f’isem Ġesu ta’ Nażaret. Dan kien sinjal li Ġesu kien għadu ħaj fosthom. Huwa jtenni li minkejja li l-Lhud qatlu lil Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet u lest li joffri mill-ġdid il-maħfra. Is-Salm Responsorjali, minn Salm 4, huwa talba lill-Mulej biex ma jinħebiex minna iżda juri d-dawl ta’ wiċċu fuqna. It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu fejn itenni l-qawwa tal-maħfra li kisbilna Ġesù l-ġust. Hemm bżonn li nifhmu b’qalbna dak li għamel Ġesu għalina. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa naraw li fl-ewwel parti l-Appostli sabuha bi tqila biex jemmnu filwaqt li fit-tieni parti huma ġew imfehma kif il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Krsitu kisbulna l-maħfra li l-Appostli jridu jkunu xhieda ta’ din il-maħfra.
Il-Ħajja
- Aħna wkoll bħall-appostli nsibuha bi tqila biex nemmnu li Ġesù qam mill-mewt għalija u għalik biex jiksbilna l-fejqan mid-dnubiet tagħna.
- Irridu nagħrfu u nsiru nafu lil Ġesù Kristu mill-Iskrittura. Minn hemm biss niksbu d-dawl tal-verità fuq ħajjitna u fuq l-għemil tagħna.
- Ma rridux ninsew li bħala dixxipli ta’ Kristu għandna r-reponsabbiltà li nkunu xhieda tiegħu u ta’ dan il-qawmien. Il-fidwa trid tasal għand il-familjari tagħna, għand dawk fuq il-post tax-xogħol, fit-toroq tagħna permezz tagħna lkoll.
- Qalbna trid tkun tħabbat għall-Mulej. Nistgħu nwettqu dan billi nkunu nies li, bejn dak li nisimgħu fil-kelma tiegħu, bejn dak li nirċievu fl-Ewkaristija Mqaddsa u dak li nwettqu kuljum, ikun hemm xhieda kbira u ħajja.
Id-Djalogu
Mulej,
għallimni kull ħin
nifhem il-kobor ta’ mħabbtek.