ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ – Ir-4 Ħadd tal-Għid [B]- 21 ta’ April 2024

ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ – Ir-4 Ħadd tal-Għid [B]- 21 ta’ April 2024

April 15, 2024

Ir-4 Ħadd tal-Għid

Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

ĦAJTI GĦAN-NAGĦAĠ

Atti 4:8-12; Salm 117; 1 Ġwanni 3: 1-2; Ġwanni 10: 11-18

Il-Vanġelu

     Jiena r-ragħaj  it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.  Il-mikri, li m’huwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ m’humiex tiegħu, jara  l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ. Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.  Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed. Għalhekk iħobbni  l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri.”

Il-Ħsieb

     Ninsabu ngħixu f’soċjetà mimlija frażijiet sbieħ ta’ tmexxija – leader-ship, human resources, management, terminoloġija li tenfasizza l-importanza li l-bniedem tal-lum ikollu sens ta’ direzzjoni qawwi.  Iżda għaliex naraw tant nies li jevadu l-problemi ta’ ħajjithom; tant nies li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu; tant nies li lkoll kemm huma jinsabu mfarrka għax ma għandhomx  ideal fil-ħajja tagħhom, jew aħjar, għax l-ideal kien wieħed biss materjali li tfarrak ma’ l-ewwel maltempata?

     Huwa biss ir-Ragħaj it-Tajjeb li kapaċi jħares sew il-merħla tiegħu.  Huwa biss ir-Ragħaj it-Tajjeb li kapaċi jersaq lejn il-merħla u jagħti sens ta’ direzzjoni ċara fil-ħajja.  Huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li jaf tassew x’qed iħossu n-ngħaġ tiegħu, speċjalment dawk li ilhom żmien twil muġugħa u ma jitkellmux.  Ir-ragħaj li huwa biss imħallas, kif jara l-maltemp u l-inkwiet, jaħrab.  Iżda r-Ragħaj it-Tajjeb jibqa’.  Kemm aħna konxji ta’ dan?  Kemm tassew nagħrfu li mal-Mulej hemm il-kenn u s-serħan tagħna?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, għandna lil San Pietru jwieġeb lis-Sanhedrin dwar il-fejqan tar-raġel magħtub.  Huwa jtenni li dan il-fejqan seħħ bis-saħħa ta’ Kristu li qam mill-imwiet.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 117, insibu għanja ta’ tifħir għal dak li għamel il-Mulej bis-saħħa ta’ Ibnu.  It-Tieni Qari tal-lum huwa meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann fejn jurina x’aħna tabilħaqq – aħna l-maħbubin ta’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.  Hija ħajja li r-Ragħaj jagħti biex isalva n-ngħaġ tiegħu u biex jipproteġihom.

Il-Ħajja

  1. Nistgħu nissejħu wlied Alla, jgħidilna San Ġwann fit-Tieni Qari tal-lum.  Iżda veru li nixtiequ nissejħu hekk?  Għandna xewqa fina biex nissejħu wlied Alla?
  1. Kemm tassew qed ikollna sens ta’ direzzjoni ċċentrat fuq dak li wettaq Ġesù f’dak kollu li nagħmlu fil-ħajja tagħna?
  1. Jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi. Il-Mulej jaf min aħna u jaf id-dgħufija tagħna x’inhi u lest jipproteġina.
  1. Hemm bżonn ukoll li nitolbu aktar għall-mexxejja tal-Knisja u biex il-Mulej jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu.  Din hija responsabbiltà tal-Komunità nisranija  kollha.

Id-Djalogu

  Mulej, irrid dejjem nimxi warajk.

  Ħarisni mill-perikli tal-ħajja,

  sabiex dejjem nibqa’ fil-merħla tiegħek.