MARIJA MARRET TĦAFFEF – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – 22 ta’ Diċembru 2024
Ir-4 Ħadd ta’ l-Avvent
MARIJA MARRET TĦAFFEF
Mikea 5:1-4a; Salm 79; Lhud 10:5-10; Luqa 1,39-45
Il-Ħsieb
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”
Il-Ħsieb
Wasalna biex niċċelebraw il-festa tat-twelid ta’ Ġesù. Nistgħu ngħidu li issa l-preparazzjonijiet waslu fl-aħħar u kulħadd lest biex jiċċelebra u jiċċelebra bil-kbir. Iżda x’se niċċelebraw? Se niċċelebraw festa pagana jew festa li nfakkru lil xi ħadd li ġie fil-faqar tad-dinja, u d-dinja, jiġifieri aħna, ma lqajniehx mill-bidunett? Kif se niċċelebraw il-festa ta’ din is-sena? Kemm se niftakru li fil-Milied il-Mulej Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri? Il-liturġija tal-lum timmarka proprju dan il-fatt: li meta naċċettaw li Ġesù se jitwieled għalina jfisser li aħna rridu naċċettaw li nservu lil ħaddieħor…. u mhux bit-tnikkir u l-lajma iżda malajr. Irridu nħaffu fil-qadi tal-proxxmu tagħna kif għamlet Marija meta marret għand Eliżabetta. Marija mhux biss wieġbet bil-kelma iva għal dak li ried minnha l-Mulej, iżda wettqitu bil-fatti billi marret tgħin lil min kien fil-bżonn-Eliżabetta.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Mikea li, fis-seklu sebgħa qabel Kristu, iħabbar fejn kellu jitwieled il-Messija, imwiegħed biex jifdi l-poplu tiegħu u jġib is-sliem lid-dinja kollha. Betlem ta’ Efrata ma kellhiex tfisser biss il-post ġeografiku iżda li Ġesù kellu jitwieled mir-razza ta’ David. Is-Salm 79 jurina li fit-tiġrib tagħna nsejħu bla heda lill-Mulej biex jerġa’ jiġi jżurna ħa jreġġagħna għalli konna billi jiddi fina bid-dawl tiegħu. Fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud naraw kif is-sagrifiċċju ta’ Kristu jisboq is-sagrifiċċji qodma kollha. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna ż-żjara li Marija għamlet biex taqdi lil Eliżabetta.
Il-Ħajja
- Kemm serviena dan iż-żmien ta’ l-Avvent għal bidla radikali lejn Ġesù u mhux biss aljenazzjoni ta’ tiżjin?
- Kemm f’dan il-Midlied se ssib okkażjoni li xxammar il-kmiem u tgħin lil xi ħadd fil-bżonn?
- Kemm qed taħdem biex dan ikun tassew Milied fejn Ġesù jitwieled fil-qalb tiegħek u inti twelldu bl-eżempju tiegħek fl-ambjent li tgħix fih?
- Marija marret tħaffef biex taqdi. Inti kif qed tagħti sevizz lill-proxxmu tiegħek…. bit-tnikkir, bilfors jew xejn?
Id-Djalogu
Mulej, għinni nservik
fil-proxxmu tiegħi,
għinni biex bl-eżempju tiegħi
nkun tassew strument ta’ għaqda
u fiduċja fik u f’ta madwari.