SAR LAĦAM! – Il-Milied

SAR LAĦAM! – Il-Milied

December 21, 2018

Il-Milied

SAR LAĦAM!

Isaija 52,7-10; Salm 97; Lhud 1, 1-6; Ġwanni 1, 1-18

 

Il-Vanġelu

Fil-bidu kien il-Verb,

u l-Verb kien ma’ Alla,

u l-Verb kien Alla.

Hu kien fil-bidu ma’ Alla.

Kollox bih sar,

u xejn ma sar mingħajru; 

kull ma sar kellu l-ħajja fih,

u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

Id-dawl jiddi fid-dlam,

imma d-dlam ma għelbux.

 

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,

jismu Ġwanni.

Dan ġie bħala xhud,

biex jixhed għad-dawl,

biex bih kulħadd jemmen.

Ġwanni ma kienx id-dawl,

imma ġie biex jixhed għad-dawl,

dak id-dawl veru,

li jdawwal kull bniedem, 

huwa u ġej fid-dinja.

Kien fid-dinja,

u d-dinja saret bih, 

imma d-dinja ma għarfitux.

Ġie f’daru,

u niesu ma laqgħuhx.

Imma lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, 

dawk li jemmnu f’ismu,

li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

 

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,

u aħna rajna l-glorja tiegħu, 

il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,

mimli bil-grazzja u l-verità.

Ġwanni ta xhieda fuqu

meta għajjat u qal:

“Dan hu li għalih għedtilkom, 

‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, 

għax kien minn qabli.’ “

Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,

grazzja fuq grazzja.

Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè

imma l-grazzja u l-verità 

seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.

Lil Alla għadu ħadd ma rah;

imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,

li hu fi ħdan il-Missier.

 

Il-Ħsieb

“Ilkoll flimkien jgħajtu bil-ferħ, għax raw b’għajnejhom il-Mulej.”  Huwa l-jum li fih ilkoll nifirħu għax il-Mulej ġie fid-dinja biex isalvana, biex idawwal bid-dawl tiegħu d-dlamijiet li ħakmu l-bniedem u l-ħolqien minħabba d-dnub.  Ilkoll kemm aħna nifirħu li Ġesù ġie fid-dinja minkejja li mill-bidunett id-dinja ma laqgħetux.  Fil-festa tal-lum, tat-twelid tal-Messija, irridu nagħrfu tassew sà fejn twassal il-ħniena u l-imħabba kbira li Alla għandu għall-bniedem.  Hija mħabba li minkejja li l-bniedem ħadha kontra Alla, minkejja li l-bniedem ġarraf il-proġetti ta’ Alla biex sema’ mill-ħażen, minkejja li l-bniedem iwettaq kull kompromess immaġinabbli, Alla jibqa’ jħobbna bl-abbundanza.  Bagħat lil Ibnu fid-dinja.  X’seta’ bagħat aktar?  “Raw tassew it-truf kollha ta’ l-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”  Raw it-truf kollha ta’ l-art is-salvazzjoni permezz ta’ tarbija ċkejkna li titwieled fi stalla ta’ l-annimali għax il-bnedmin mill-bidunett tal-miġja tiegħu fid-dinja għalqu qlubhom għalih.

Irridu nifirħu llum mhux bil-ferħ tal-materjaliżmu u l-kummerċ.  Irridu nifirħu llum jekk skoprejna li Ġesù twieled fqir din is-sena wkoll, twieled fqir biex aħna nagħtuh minn dak li għandna, nagħtuh il-qalb tagħna, il-kenn tagħna u l-impenn tagħna biex inxandruh.  Il-Mulej ġie fid-dinja biex aħna nkunu salvi.  Illum qed nifhmu din il-ġrajja kbira ta’ mħabba li l-Mulej wettaq ma’ kull wieħed u waħda minna b’mod intimu u personali?  Alla llum kellimna bil-fatti, bi ġrajja, permezz ta’ Ibnu ħaj.  Qed nifhmu tassew il-qawwa ta’ Alla għalina fl-imħabba tiegħu, minkejja li għadna u nibqgħu midinbin?

 

 

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud minn Isaija, għandna r-rakkont li Alla ħeles lill-poplu tiegħu mill-eżilju ta’ Babel u qed imexxih lura lejn art twelidu.  Il-ħabbára qed jiġru quddiem biex jagħtu din l-aħbar ta’ ferħ.  Alla ġej biex jifdi, ifarraġ , isalva u jagħti l-paċi.  Fis-Salm Responsorjali, Salm 97, għandna tifħir ’l Alla għat-twelid tal-Messija li bih il-ġnus kollha jistgħu jsibu u jilqgħu s-salvazzjoni.  Fit-Tieni Qari għandna l-bidu ta’ l-Ittra lil-Lhud li l-Kelma ta’ Alla lill-bniedem laħqet il-quċċata tagħha fi Kristu Ġesù.  Fil-Vanġelu llum San Ġwann jurina li l-“għerf” u l-“kelma” huma persuna ħaġa waħda mal-Missier u fl-istess ħin magħżula minnu.

 

Il-Ħajja

Alla jħobbna bil-ġrajjiet, mhux bil-paroli kif nagħmlu aħna miegħu u ma’ xulxin.  Illum fil-festa tal-Milied irridu niftakru li l-Iben t’Alla sar bniedem u għammar fostna.  Għammar fostna biex aħna nkunu salvi, biex nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla u biex ngħixu din l-imħabba mhux b’xi karità fil-Milied iżda fuq kollox billi ilkoll kemm aħna naċċettaw li Ġesù jidħol fil-qalb tagħna u fil-ħajja tagħna biex jibdilna.  Illum insibu ftit ħin quddiem Ġesù Bambin u nistqarru miegħu t-tajjeb u l-anqas tajjeb tagħna.  Kemm tassew qed inħalluh jibdel il-qalb tagħna biex bħalu ngħinu u nħobbu mingħajr kundizzjoni?

 

Id-Djalogu

Mulej, inti ħabbejtna mingħajr kundizzjoni.

Għinni biex jiena wkoll inħobb il-proxxmu tiegħi

Kull ħin.