GĦAJTA FAVUR IL-FAMILJA – Il-Familja Mqaddsa – Il-Ħadd 30 ta’ Diċembru 2018
Il-Familja Mqaddsa
GĦAJTA FAVUR IL-FAMILJA
Bin Sirak 3, 2-6, 12-14; Salm 127, 1-5; Kolossin 3, 12-21; Luqa 2, 41-52
Il-Vanġelu
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Iżda kliemu ma fehmuhx. Mbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Il-Ħsieb
Il-Festa tal-Familja Mqaddsa llum u l-liturġija tal-kelma jġegħluna naħsbu fuq il-mod li qed jgħixu bih il-familji tal-lum. Il-messaġġ huwa wieħed u ċar. Kull membru tal-familja jrid jgħix fid-dawl tar-rieda ta’ Alla u għalhekk, kontinwament, irid jagħraf li kull azzjoni tiegħu trid tkun immexxija mill-Mulej. B’hekk biss il-familja tinżamm magħquda. B’hekk biss il-familja tista’ tikber flimkien u toħloq ambjent li kontinwament fil-ferħ u fin-niket tinħass il-preżenza ta’ Ġesù f’nofs l-istess familja.
Il-Kelma
L-Ewwel qari, meħud mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, juri l-mod kif wieħed għandu jaqdi lill-ġenituri tiegħu b’mod speċjali fi xjuħithom. Fihom irid jara l-preżenza ta’ Alla. Huwa kmandament li mhux biss jgħolli d-dinjità ta’ min jiġi kkurat iżda wkoll ta’ dak li jikkura u jaqdi. Fis-Salm Responsorjali minn Salm 127 għandna għajta ta’ tifħir għal dawk li jibżgħu mill-Mulej u li jimxu fit-triqat billi jwettqu r-rieda ta’ Alla. Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, nisimgħu lil San Pawl jisħaq dwar il-mod ta’ ħajja li l-Insara jridu jgħixu bejniethom u l-għajta tiegħu biex jaħfru lil xulxin. Dan għandu jseħħ bir-rispett u l-qadi nisrani fil-familja. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu lill-ġenituri ta’ Ġesù jfittxuh meta ntilef fit-tempju u Ġesù jerġà jmur magħhom, iżda jgħidilhom li hu ġie biex iwettaq ir-rieda tal-Missier.
Il-Ħajja
- Il-familja tagħna għaddejja minn bidliet. Għadna narawha fid-dawl ta’ familja nisranija? Kemm qed infittxu u nħossu l-preżenza ta’ Ġesù f’nofs il-familji tagħna?
- Kif qed inħarsu lejn il-proġetti tal-familjari tagħna? Inħallu spazju għall-id ta’ Alla biex taħdem f’kull membru tal-familja?
- Qegħdin niżirgħu f’uliedna, fil-ġenerazzjoni li tiela’, sens ta’ fiduċja u sigurtà fl-għemil tal-membri tal-familja, ibbażati fuq il-valur sodi nsara ta’ mħabba u għaqda?
- Il-familja hija knisja żgħira, itenni l-Papa Ġwanni Pawli II. Qed inħallu mumenti ta’ talb li jgħaqqdu l-familja tagħna?
Id-Djalogu
Mulej, ixħet ħarstek u l-barka tiegħek fuq il-familji tagħna,
agħmel li nfasslu l-pjani tagħna madwar il-mejda tiegħek,
sabiex inwettqu, anki fil-mumenti tal-problemi u tas-slaleb,
ir-rieda tiegħek fil-familja tagħna, fuq l-eżempju ta’ Nażaret