MARIJA MARRET TĦAFFEF – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – 23 ta’ Diċembru 2018

MARIJA MARRET TĦAFFEF – Ir-4 Ħadd tal-Avvent – 23 ta’ Diċembru 2018

December 14, 2018

Ir-4 Ħadd ta’ l-Avvent

MARIJA  MARRET  TĦAFFEF

Mikea 5:1-4a; Salm 79; Lhud 10:5-10; Luqa 1,39-45

Il-Ħsieb

     F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;  u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost  in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!  U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?  Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.  Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

 

Il-Ħsieb 

Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!

Wasalna biex niċċelebraw il-festa tat-twelid ta’ Ġesù.  Nistgħu ngħidu li issa l-preparazzjonijiet waslu fl-aħħar u kulħadd lest biex jiċċelebra u jiċċelebra bil-kbir.  Iżda x’se niċċelebraw?  Se niċċelebraw festa pagana jew festa li nfakkru lil xi ħadd li ġie fil-faqar tad-dinja, u d-dinja, jiġifieri aħna, ma lqajniehx mill-bidunett?  Kif se niċċelebraw il-festa ta’ din is-sena?  Kemm se niftakru li fil-Milied il-Mulej Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri?  Il-liturġija tal-lum timmarka proprju dan il-fatt:  li meta naċċettaw li Ġesù se jitwieled għalina jfisser li aħna rridu naċċettaw li nservu lil ħaddieħor…. u mhux bit-tnikkir u l-lajma iżda malajr.  Irridu nħaffu fil-qadi tal-proxxmu tagħna kif għamlet Marija meta marret għand Eliżabetta.  Marija mhux biss wieġbet bil-kelma iva għal dak li ried minnha l-Mulej, iżda wettqitu bil-fatti billi marret tgħin lil min kien fil-bżonn-Eliżabetta.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Mikea li, fis-seklu sebgħa qabel Kristu,  iħabbar fejn kellu jitwieled il-Messija, imwiegħed biex jifdi l-poplu tiegħu u jġib is-sliem lid-dinja kollha.  Betlem ta’ Efrata ma kellhiex tfisser biss il-post ġeografiku iżda li Ġesù kellu jitwieled mir-razza ta’ David.  Is-Salm 79 jurina li fit-tiġrib tagħna nsejħu bla heda lill-Mulej biex jerġa’ jiġi jżurna ħa jreġġagħna għalli konna billi jiddi fina bid-dawl tiegħu.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud naraw kif is-sagrifiċċju ta’ Kristu jisboq is-sagrifiċċji qodma kollha.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna ż-żjara li Marija għamlet biex taqdi lil Eliżabetta.

 

Il-Ħajja

  1. Kemm serviena dan iż-żmien ta’ l-Avvent għal bidla radikali lejn Ġesù u mhux biss aljenazzjoni ta’ tiżjin?
  2. Kemm f’dan il-Midlied se ssib okkażjoni li xxammar il-kmiem u tgħin lil xi ħadd fil-bżonn?
  3. Kemm qed taħdem biex dan ikun tassew Milied fejn Ġesù jitwieled fil-qalb tiegħek u inti twelldu bl-eżempju tiegħek fl-ambjent li tgħix fih?
  4. Marija marret tħaffef biex taqdi.  Inti kif qed tagħti sevizz lill-proxxmu tiegħek…. bit-tnikkir, bilfors jew xejn?

Id-Djalogu

Mulej, għinni nservik

fil-proxxmu tiegħi,

għinni biex bl-eżempju tiegħi

nkun tassew strument ta’ għaqda

u fiduċja fik u f’ta madwari.