MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL – It-32 Ħadd Matul is-Sena A – 12 ta’ Novembru 2023

MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL – It-32 Ħadd Matul is-Sena A – 12 ta’ Novembru 2023

November 5, 2023

 

It-32 Ħadd Matul is-Sena

MEĦTIEĠ ĦAFNA GĦAQAL

Għerf 6:12-18; Salm 62;  Tessalonkin 4: 13-18; Mattew 25: 1-13

 

Il-Vanġelu

“Mbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.  Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, 

għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li   l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom  in-ngħas u raqdu.  Mbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’  Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.  Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.  Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal,’Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’  Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.

 

Il-Ħsieb

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa
Minkejja li ngħixu fid-dinja hekk imsejħa ta’ żvilupp, minkejja tant progress, minkejja li qed ngħix f’ħajja totalment kompjuterizzata, jidher li l-għerf u l-għaqal qed jiskarsa mill-ħajja ta’ kuljum.  Meta nisimgħu diskorsi dwar kriżi ta’ valuri, dwar nies li jagħmlu għażliet kontra dak li verament jixtiequ ġewwa fihom huma kollha sintomi li l-bniedem qed jabbanduna l-għerf u għalhekk qed jitbiegħed ukoll mill-għaqal.  Il-Vanġelu tal-lum, permezz tal-parabbola tax-xebbiet bl-imsiebaħ tagħhom jistennew l-għarus, irid jurina li aħna lkoll, fl-istennija tagħna biex niltaqgħu ma’ Ġesù, ma rridux norqdu, ma rridux nintelqu, ma rridux nieqfu mill-ħidma tagħna.  Għall-kuntrarju, l-Insara jridu jkunu nies dejjem attenti fil-ħidma u fl-impenn tagħhom fis-soċjetà ċivili biex iħallu timbru ta’ nsara li huma.

 

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf.  Jurina li l-bniedem għaref huwa dak li jibża’ u jirrispetta lil Alla u jżomm ruħu ’l bogħod mill-ħażen.  L-għerf huwa rigal li Alla jagħti lil dawk li jfittxuh.  U dan huwa indikat  ukoll fis-Salm Responsorjali, Salm 62, fejn għandna s-Salmista juri l-għatx li l-bniedem għandu kontinwament għal Alla.  Fit-Tieni Qari tal-lum, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna lill-Appostlu jitkellem man-nies tat-Tessalonika u jagħmlilhom kuraġġ b’dawk sħabhom li mietu u li l-Mulej se jiġborhom miegħu.  Il-Vanġelu tal-lum, permezz tal-parabbola tax-xebbiet għaqlin, irid jiftħilna għajnejna biex nishru għax la nafu l-jum u lanqas is-siegħa.

 

Il-Ħajja

  1. Il-Mulej iridna niftħu għajnejna beraħ mhux biss nagħrfu l-grazzja li jagħtina iżda wkoll biex fil-ħajja li qed ngħixu issa jkollna garanzija għal ħajja fis-sema.
  2. Ta’ min jistaqsi lilu nnifsu kuljum: kemm tassew qed ngħix ħajti bil-għaqal?
  3. X’għażliet qed tagħmel fil-ħajja ta’ kuljum? Huma mmarkati mill-għażliet li jgħallimna Kristu?
  4. Il-għerf jiddi bla qatt ma jnemnem? Ma jridux wisq biex jagħrfuh dawk li jħobbuh? Kemm tassew ilkoll kemm aħna qed infittxu dan il-għerf biex idawwal id-direzzjoni ta’ ħajjitna?

 

Id-Djalogu

Mulej, għinni nsib il-għerf veru fil-ħajja tiegħi,

biex nikxef il-maskra tal-falsità li ndur biha kull ħin.