BEJN KLIEM U FATTI – It-31 Ħadd Matul is-Sena A – 5 ta’ Novembru 2023
Il-31 Ħadd Matul is-Sena
BEJN KLIEM U FATTI
Malakija 1, 14b-2; 2b:8-10; Salm 130; Tess 2, 7b-9, 13; Mattew 23: 1-12
Il-Vanġelu
Mbagħad Ġesù kellem lin-nies u lid- dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatterji u jtawwlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejjħulhom Rabbi. Imma intom tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
L-Ewwel Qari huwa miktub mill-profeta Malakija. Huwa jċanfar bl-aħrax il-qassisin tal-Lhud għax ma kinux ifaħħru ’l Alla mill-qalb. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 120 huwa Salm li fih naraw għajta ta’ talba lill-Mulej biex iħarisna dejjem fis-sliem tiegħu. Fit-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna l-mod li bih mexa magħhom Pawlu fix-xandir tal-Vanġelu. Magħhom ħadem b’għożża kbira. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud mill-Vanġelu ta’ San Mattew, għandna kliem iebes ta’ Ġesù kontra l-Fariżej u l-Kittieba li bħala l-Imgħallmin uffiċjali tal-Liġi ta’ Alla ma kinux jgħixu dak li jgħallmu.
Il-Ħajja
- Ġesù jitkellem ċar li wieħed li jgħallem irid ikun jgħix dak li jgħallem.
- Ġesù wera bil-ħajja tiegħu stess li wettaq dak li ppriedka.
- Hemm bżonn nagħmlu domanda serja fuq il-ħajja tagħna jekk il-Kelma ta’ Ġesù li nisimgħu hix tassew il-Kelma li qegħdin ngħixu kull ħin?
- Kemm qed inkunu qaddejja ta’ ħutna fis-soċjeta?
Id-Djalogu
Mulej, għallimni ngħix il-Kelma tiegħek,
Mulej għallimni nkun umli u ta’ qadi
għall-proxxmu tiegħi kull ħin.