It-30 Ħadd Matul is-Sena
ĦOBB MINGĦAJR LIMITI!
Eżodu 22:20-26; Salm 17; Tessalonkin 1: 5c-10; Mattew 22: 34-40
Il-Vanġelu
Il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, nġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?” Qallu Ġesù: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti.”
Il-Ħsieb
Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha, u b'moħħok kollu
Kemm nisimgħu fuq l-imħabba! Kemm ħarġu diski, kartolini eċċ! Kemm insibu gadgets fi ħwienet bi qlub! Qisu aktar ma d-dinja tisfrutta u tikkumerċjalizza l-imħabba, aktar id-dinja titlef il-veru sens ta’ l-imħabba. Ġesù qed jgħidilna biex inħobu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u bil-qawwa tagħna kollha u nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. Huwa stess jagħti eżempju xi tfisser l-imħabba, għax issallab għalina. Din hija l-imħabba, din hija l-akbar imħabba. Kemm s’issa fil-ħajja tagħna għexna tassew l-imħabba? Kemm tassew ħabbejna bl-għemil tagħna? L-imħabba tfisser li tgħix il-ħajja tiegħek b’sens ta’ sagrifiċċju, għaliex fis-sagrifiċċju joħroġ l-altruwiżmu u jinħonoq l-egoiżmu. Huwa għal dan il-għan li l-Mulej iridna wkoll inħobbu lil għajrna bħalna nfusna. It-tnejn huma importanti, kemm li tħobb lill-proxxmu tiegħek, anki lil dak li ma jaqbilx miegħek, kif ukoll li tħobb lilek innifsek. Huwa ferm importanti li wieħed ma jkunx jittraskura l-istess ħajja tiegħu, il-familja tiegħu. L-imħabba hija avventura ta’ sagrifiċċju u mpenn kull ħin.
Il-Kelma
Ħobb lil għajrek bħalek innifsek
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu. Hemm jingħad li Alla jrid li nħobbu lill-barrani u lill-proxxmu tagħna. Alla huwa ħanin u jisma’ l-għajta tal-maħnuq. Aħna rridu nagħmlu l-istess. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 17, għandna l-għajta lejn il-Mulej li huwa l-qawwa u l-ħelsien tagħna. L-imħabba lejh irridu nuruha fil-proxxmu tagħna. Fit-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, San Pawl ifaħħar lin-nies tat-Tessalonika li kkonvertew u qed jgħixu bħala komunità nisranija. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesù juri li l-akbar kmandament huwa l-kmandament ta’ l-imħabba li jiġbor il-kmandamenti kollha.
Il-Ħajja
1. Taf min huwa l-proxxmu tiegħek? Kif qed turih imħabbtek?
2. X’tip ta’ mħabba turi ma l-ambjent familjari tiegħek u ma’ dawk tax-xogħol jew skola?
3. Qiegħed tgħix l-imħabba ta’ Alla anki fil-persuna tiegħek?
Id-Djalogu
Mulej, għallimni nħobb bis-serjetà.