MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT! – It-18-il Ħadd Matul is-Sena – 31 ta’ Lulju 2016
It-18-il Ħadd Matul is-Sena
MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT!
Qoħelet 1,2:2,21-23; Salm 94; Kolossin 3:1-4, 9-10; Luqa 12:13-21
Il-Vanġelu
Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?” Mbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!” Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’ Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”
Il-Ħsieb
Ħafna drabi norbtu qalbna f’din id-dinja ma’ tant affarijiet kbar u żgħar, ħafna minnhom ikunu materjali jew oġġetti jew anki persuni. Niġu mogħmija li t-teżori tagħna jinsabu biss f’din id-dinja. Quddiem il-mewt nindunaw li kollox jispiċċa jew kważi… dak li nkunu żrajna fis-sema m’hu se jintemm qatt speċjalment l-għemejjel ta’ karità u dak kollu li nostru għalina fis-sema. Bil-kliem ta’ Qoħelet il-profeta, frugħa tal-frugħat, il-Mulej fil-Vanġelu tal-lum iwissina u jħeġġiġna biex inkunu għaqlin u naħarbu mir-regħba li tista’ tfisser dak kollu li nkunu ħdimna għalih fil-ħajja tagħna. Din hija twissija ferm attwali għal-lum b’mod speċjali meta tisma’ tant ġlied fuq il-wirt. Nintilfu wara tant affarijiet ta’ din il-ħajja u ma nagħtux kas biex infittxu li naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-Profeta Qohelet, il-messaġġ ċentrali huwa li dak kollu li jgħaddi ma jistax jimla qalb il-bniedem. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 94, itenni li rridu nfasslu ħajjitna billi nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna. Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna wkoll messaġġ qawwi: jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu rridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema. Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jwissi fuq ir-regħba u kif għandna naħdmu u ngħixu ħajjitna marbuta ma’ Alla fejn nostru t-teżor tal-ħidma tagħna.
Il-Ħajja
- Aħna rxuxtajna ma’ Kristu. Għalhekk miegħu biss irridu norbtu qalbna u nfittxu biss il-ħwejjeġ tas-sema. Dan jagħmel sens kbir fl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna.
- Bħala nsara ħajjin hemm bżonn li nagħrfu li ma għandna qatt norbtu qalbna ma’ ħwejjeġ ta’ din id-dinja li jgħaddu. Hemm bżonn nibdew tassew inħobbu lil Alla billi nħarsu dak li jrid minna.
- Inti qed tiġma’ l-ġid għalik innifsek mingħajr ma tistagħna quddiem Alla? Aghmel ftit eżami tal-kuxjenza.
- Hemm bżonn li kuljum nagħmlu reviżjoni ta’ ħajjitna. Fejn qed inpoġġu l-prijorità ta’ l-għażliet tagħna u fejn qed nersqu lejn Alla.
Id-Djalogu
Il-kliem tiegħek Mulej
huwa spirtu u ħajja
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem
Għinni nwettqu fil-ħajja tiegħi.