NISTENNEW B’FIDUĊJA! – Id-19-il Ħadd Matul is-Sena – 7 t’Awwissu 2016
Id-19-il Ħadd Matul is-Sena
NISTENNEW B’FIDUĊJA!
Għerf 18: 6-9; Salm 32; Lhud 11,1-2; 8-19; Luqa 12:32-48
Il-Vanġelu
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”
“Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”
“Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?” Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m’humiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.
Il-Ħsieb
Kollox irridu malajr illum. Kollox mgħaġġel u malajr. Dan huwa r-ritmu tal-ħajja tagħna. Min ma jgħaġġilx insejħulu kull titlu: artab, rieqed, eċċ. Iżda minkejja din l-għaġla kollha, fil-ħajja tagħna sirna nies li ninjoraw l-ovvju, ħafna drabi aljenati kif ukoll mhux attenti għal dak li jseħħ madwarna. U dan b’mod speċjali fejn tidħol il-fidi tagħna. Il-Mulej jgħidilna llum: “|ommu ġenbejkom imħażżmin u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula, kunu bħal nies li qegħdin jistennew lil sidhom jiġi mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi jħabbat jiftħulu malajr!”
Hemm bżonn li bħala nsara nkunu on alert għall-mod kif qed ngħixu aħna u kif se nimpenjaw ruħna fis-soċjetà li qed ngħixu fiha. U għalhekk l-istennija ma tridx tkun waħda passiva iżda attiva b’impenn u ħidma. Naraw id-differenza bejn dak il-qaddej fidil u l-qaddej imħawwad mingħajr ebda sens ta’ stennija. Il-ħajja tagħna hija kollha stennija, mhux idejna fuq żaqqna iżda stennija ta’ fidi b’ħidma u fiduċja.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna silta li titkellem dwar dak il-lejl ta’ biża li fih seħħ l-aħħar u l-agħar kastig li laqat lill-Eġizzjani talli ma ridux jeħilsu l-poplu Lhudi. Kien lejl iebes ta’ stennija b’fiduċja għall-poplu Lhudi. Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 32, għandna għanja ta’ tifħir għall-Mulej li għażilna bħala l-poplu u l-wirt tiegħu.
Fit-Tieni Qari, meħud mill-ittra lil-Lhud, għandna tifsira ta’ x’għandha tkun il-fidi tagħna, li hija l-pedament ta’ dak kollu li nwettqu. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna l-parabbola li fiha Ġesù jqabbel dak kollu li jagħmel il-qaddej tajjeb ma’ dak li jwettaq il-qaddej il-ħażin. Hemm messaġġ għalina lkoll biex inkunu dejjem imħejjija għal meta jsejħilna l-Mulej.
Il-Ħajja
- Kemm tassew tħoss li l-ħajja tiegħek hija mħejjija tajjeb għal meta se jsejjaħlek il-Mulej?
- Dan ma għandniex nagħmluh b’sens ta’ biża’, iżda b’sens ta’ mħabba kbira lejn dak Alla li huwa missierna u jrid biss il-ġid u s-salvazzjoni tagħna.
- Kemm tassew, kif smajna fit-Tieni Qari, qegħdin nibnu kollox fuq il-fidi tagħna nisranija? Kull proġett ta’ ħajjitna?
- Il-Mulej iridna nishru iżda fl-istess ħin naħdmu bla waqfien għas-saltna ta’ kulħadd bil-misssjoni u l-ħidma fdata lilu.
Id-Djalogu
Mulej, inti għidtilna li inti
IT-TRIQ, IS-SEWWA U L-ĦAJJA
Għinna biex ilkoll kemm aħna nagħrfu
li l-uniku mezz ta’ ħajjitna
tkun inti,
biex nersqu aktar lejk
fix-xandir tas-Saltna ta’ Alla
fil-ħidma tagħna ta’ kuljum.
Grazzi talli tgħinna nwettqu dan.