NEĦĦU N-NIKET! – It-2 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena Ċ – 8 ta’ Diċembru 2024
It-2 Ħadd ta’ l-Avvent
NEĦĦU N-NIKET!
Baruk 5:1-9; Salm 125; Filippin 1:4-6; 8-11; Luqa 3: 1-6
Il-Vanġelu
Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta’ l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla”
Il-Ħsieb
Hemm bżonn li nneħħu n-niket u noħorġu fil-beraħ inxandru l-miġja tal-Mulej fostna. Hemm bżonn li nimitaw lil Ġwanni l-Battista u mmorru kontra l-kurrent tas-soċjetà tagħna. Soċjetà li fiha t-tajjeb iżda soċjetà li ħafna drabi jkaxkarna l-kurrent tagħha ta’ suspetti, għira u konsumiżmu. F’dan it-tieni pass ta’ stennija ta’ l-Avvent irridu niftħu għajnejna. Bħala Nsara ma nistgħux noqogħdu neqirdu u nitnikktu għax id-dinja ħżienet. Hemm bżonn inkunu nies ta’ tama f’dinja li qed titqal bid-disperazzjoni. U dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ Ġwanni l-Battista llum: INĦEJJU T-TRIQ GĦALL-MULEJ. Aħna rridu nħejjuha bil-ħajja tagħna fuq it-tagħlim ta’ l-istess Imgħallem tagħna. Alla huwa dak li se jmexxina fil-ferħ fid-dawl tas-sebħ tiegħu, kif naqraw mill-Profeta Baruk fl-Ewwel Qari tal-lum.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb tal-Profeta Baruk, il-profeta jimmaġina li qed jikteb fi żmien meta l-poplu Lhudi kien fl-eżilju f’Babel. Filwaqt li jagħraf il-ħażen u l-ħtija li kien wettaq il-poplu Lhudi, huwa jfarraġ lill-poplu u jqawwilu qalbu. Itennilu li għandu dejjem iħares il-liġi ta’ Alla. Huwa diskors ta’ kuraġġ għal dak li Alla għamel ma’ Ġerusalemm. Fis-Salm Responsorjali meħud minn Salm 125, għandna għanja ta’ ferħ għal dak li wettaq il-Mulej mal-poplu Lhudi meta ħelsu mill-mument iebes ta’ l-eżilju. Fit-Tieni Qari, fl-Ittra lill-Filippin, San Pawl, li kien qed jikteb mill-ħabs, jirringrazzja lin-nies ta’ Filippi għall-għajnuna li kienu tawh u jgħidilhom li huwa għadu jitlob għalihom għalkemm ’il bogħod minnhom. Fil-Vanġelu tal-lum San Luqa jurina li Ġesù huwa parti mill-istorja mhux biss tal-poplu Lhudi iżda wkoll mill-istorja tal-bnedmin, tagħna lkoll. Dan jagħmlu billi jdaħħal lil Ċesari u lil oħrajn li ma kinux Lhud. L-importanti huwa l-indiema tal-qalb u l-maħfra li jagħti l-Mulej. Dan huwa l-messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista.
Il-Ħajja
- Qegħdin fit-tieni pass ta’ l-istennija tagħna fl-Avvent. X’qed nagħmlu biex nersqu lejn il-Mulej aktar fil-qrib? Qed nitnaddfu mid-dnubiet tagħna?
- Ġwanni ma beżax ixandar fil-miftuħ l-indiema u s-salvazzjoni lis-soċjeta tiegħu. Aħna, bħala Nsara, qed ninħbew milli nxandru tassew li żmien is-salvazzjoni qiegħed magħna?
- Pawlu lill-Filippin jirringrazzjahom għall-għajnuna li tawh fil-qadi tal-missjoni. Kemm qed ngħinu nies li qed inxandru l-kelma ta’ Alla kull ħin: saċerdoti, missjunarji, lajċi? Kemm tassew qed nifhmu li l-Mulej għandu bżonn lil kulħadd f’din il-missjoni, speċjalment bit-talb?
- Qed tipprova twitti t-triq ta’ ħajtek jekk din tinsab imgħawġa?
- Mingħajr biża’, ejjew inkomplu naħdmu f’din l-istennija tal-Mulej!
Id-Djalogu
Mulej,
qed inkomplu din il-ħidma tagħna
f’dan iż-żmien ta’ l-Avvent.
Għinna, Mulej, biex ilkoll kemm aħna
nagħrfu li aħna dgħajfa,
li neħtieġu l-għajnuna tiegħek
biex inwittu t-toroq tagħna.
Tħalliniex waħedna, Mulej,
fl-isforzi li nwettqu
biex inkunu aħjar.