STENNIJA FIL-ĦIDMA – L-1 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena Ċ – 1 ta’ Diċembru 2024

STENNIJA FIL-ĦIDMA – L-1 Ħadd ta’ l-Avvent – Sena Ċ – 1 ta’ Diċembru 2024

November 25, 2024

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

STENNIJA FIL-ĦIDMA

Ġeremija 33:14-6; Salm 24; Tessalonkin 3:12-4,2; Luqa 21: 25-28; 34-36

Il-Vanġelu

      “U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa  bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.  Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.”

      “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”

Il-Ħsieb

 

'LEJK MULEJ JIEN NERFA’ RUĦI'
  Xi ħadd jista’ jgħid li bdejna sena liturġika fuq nota negattiva.  Bdejna b’xeni apokalittiċi, nies li jmutu bil-biża’ u bid-dwejjaq.  Is-sena liturġika tiftaħ bl-immaġini ta’ stennija ta’ dak li ġej biex jagħmel ġustizzja f’kull sens.  Dan narawh mhux biss mill-Vanġelu ta’ San Luqa iżda wkoll mill-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Il-Mulej itenni kontinwament li se jġib il-ġid li wiegħed, is-salvazzjoni għal kulħadd, minkejja dak kollu li jidher taqlib fil-ħajja ta’ madwarna.  U hawn, il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-lum mhux messaġġ ta’ biża fl-istennija iżda messaġġ ta’ tama.  Aħna nemmnu jew ma nemmnux li, kif intennu fis-Salm Responsorjali tal-lum, LEJK MULEJ JIEN NERFA’ RUĦI?  Nemmnu jew ma nemmnux li minkejja l-għawġ u t-taqlib ta’ madwarna, fil-Mulej trid tkun it-tama tagħna?  San Pawl ikompli jżid li n-Nisrani jrid jara li kontinwament jinħabb ma’ xulxin u wkoll li naraw li lill-Mulej qed nagħtuh xi ħaġa iżjed ukoll.  Ma nistgħux nimxu mal-Mulej bil-qies għax huwa jimxi magħna bil-Providenza u bl-abbundanza.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Il-profeta qed jikteb waqt l-eżilju ta’ Babel fejn il-poplu Lhudi kien imjassar u ma kien jara l-ebda xaqq ta’ dawl u tama.  Il-profeta jtenni li Alla jġedded il-wegħdiet il-kbar ta’ salvazzjoni li kien għamel qabel din il-ħerba.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 24, itenni l-għajta tagħna li lejn il-Mulej irridu nerfgħu r-ruħ u t-tama tagħna.  Ma għandniex triq oħra ta’ faraġ fejn immorru.  Huwa biss jista’ jkun twajjeb u sewwa.  Fit-Tieni qari, mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, għandna lil San Pawl jitkellem fuq il-mod kif l-Insara għandhom iħobbu u jġibu rispett lil xulxin kif ukoll li kull Nisrani jrid jara li jagħmel “xi ħaġa iżjed”  għall-Mulej Ġesù.  Il-Vanġelu ta’ San Luqa llum jiddeskrivi t-tieni miġja ta’ Kristu b’setgħa u glorja kbira.  Għall-ħżiena dan se jkun mument ta’ waħx, iżda għal dawk li jittamaw fil-Mulej dan huwa l-waqt tas-salvazzjoni.

Il-Ħajja

  1. Bdejna l-Avvent, stennija għall-miġja tal-Mulej. B’liema mod inti se tiġġedded fil-ħajja tiegħek?  Kemm se ssib aktar ħin għall-Mulej u mal-Mulej?
  2. Ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla fit-talb, fil-qrar u fit-tqarbin se tikber f’din l-istennija ta’ l-Avvent?
  3. Kemm qed nagħmlu dak li jistedinna nagħmlu llum San Pawl fl-Ittra lit-Tessalonkin: “xi ħaġa iżjed għall-Mulej”?
  4. F’dan l-Avvent kapaċi aħna nwettqu b’tama kbira l-konverżjoni tal-qalb biex fil-Milied li ġej Ġesù jitwieled tassew fil-qalb tagħna?
  5. Fl-Avvent u fil-liturġija tal-lum naraw li Alla żamm kelmtu magħna. Aħna x’għamilna miegħu?

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni biex dan iż-żmien ta’ stennija fl-Avvent

  ikun żmien li nafda aktar fik

  u nagħmel xi ħaġa iżjed għalik.