NIBNU BIL-ĦSIEB U BIS-SALIB – It-23 Ħadd Matul is-Sena – 4 ta’ Settembru 2016
It-23 Ħadd Matul is-Sena
NIBNU BIL-ĦSIEB U BIS-SALIB
Għerf 9:13-18b; Salm 89; Filemon 9b-10, 12-17; Luqa 14: 25-33
Il–Vanġelu
Kotra kbira ta’ nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ‘l ommu u lil martu u lil uliedu, ‘l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.
“Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid, ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.’ Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ‘l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.
Il-Ħsieb
Ħafna nies kienu miexja lejn Ġesù. Ġesù jdur lejhom u qed idur lejja u lejk biex ifehimna li l-importanza tal-mixja miegħu hija li tibni fuq is-sens ta’ sagrifiċċju tal-ħajja li ngħixu kuljum u fid-dawl tas-salib li huwa ġarr qabilna u li lkoll kemm aħna rridu nġorru.
Ġesù jtenni li hemm bżonn li nkunu fid-dinja iżda mhux tad-dinja. Ma jridniex li nintrabtu. M’huwiex jgħid li ma għandniex inħobbu lil missierna u ’l ommna. Ġesù qed jgħidilna biex ma nintrabtux. Ma norbtu qalbna ma’ xejn ħlief miegħu. U huwa jagħtina l-paċi. Din hija esperjenza li forsi qatt ma għaddejna minnha għax dejjem irbatna qalbna ma’ xi ħaġa jew ma’ ħajjitna.
Dan id-diskors mhux faċli li tattwah. Trid kuraġġ u saħħa li l-Mulej biss jaf jagħti lilna. Hemm bżonn li l-proġetti tagħna naħsbuhom sewwa. Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nħallu spazju għall-Mulej qabel kull ħaġa oħra. Ħafna drabi nkunu mal-Mulej meta niġu daharna mal-ħajt. Hemm bżonn għalhekk li nitkellmu aktar mal-Mulej u nħalluh ikellimna qabel ma nifgaw il-vuċi tiegħu bil-kompromessi ta’ ħajjitna.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, għandna lill-awtur ifiehem lil-Lhud li l-għerf veru ġej minn Alla u mhux mill-kultura Griega. Ebda ġens u beda kultura ma huma biżżejjed biex nagħrfu l-pjan ta’ Alla. Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 89, huwa talba biex il-Mulej isawwab fi qlubna l-għerf u l-grazzja tiegħu. “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, biex hemm nimxu b’moħħ għaqli.” Dan huwa l-messaġġ ċentrali ta’ dan is-Salm. It-Tieni Qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon. F’din l-unika ittra privata tiegħu, San Pawl jitlob lil ħabibu Filemon biex jilqa’ mill-ġdid id-dar lil Onesimu li kien ħarab. Qallu bies jilqgħu lura, mhux aktar bħala lsir, iżda bħala ħuh fi Kristu. Fil-Vanġelu, meħud minn San Luqa, għandna lil Ġesù jitkellem dwar kif trid tkun il-mixja tad-dixxipli tiegħu. Trid tkun mixja mingħajr kompromessi.
Il-Ħajja
- Ġesù jridna nimxu miegħu. Ġesù jridna dixxipli tiegħu. X’se nagħmlu?
- Ġesù jridna ninqatgħu mill-affarijiet ta’ din id-dinja iżda nibqgħu ngħixu fid-dinja. Biex nagħmlu dan għandna bżonn inħaddnu l-kelma tiegħu u nissaffew mill-ħtijiet tagħna.
- It-talba tagħna llum trid tkun biex tassew il-Mulej isawwab fina l-għerf u l-grazzja tiegħu biex nagħrfu kull ħin ir-rieda tiegħu.
- Hemm bżonn li naħsbu sew fuq il-proġetti u l-għażliet ta’ ħajjitna. Hemm bżonn li lil Kristu nżommuh magħna l-ħin kollu u b’hekk nevitaw kompromessi perikolużi.
- “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” Hekk tenna Ġesù. Int u jien x’se nagħmlu? L-għażla f’idejna kuljum.
Id-Djalogu
Mulej,
inti tridni nerfa’ s-salib kuljum,
għinni nagħmel dan, għinni nwettaq bil-għerf li tagħtini,
dak li hemm fir-ras tiegħek fuq il-ħajja tiegħi.
Dan biss nixtieq Mulej.