MIN HU FUQ JIĠI TAĦT! – It-22 Ħadd Matul is-Sena – 28 t’Awwissu 2016
It-22 Ħadd Matul is-Sena
MIN HU FUQ JIĠI TAĦT!
Bin Sirak 3:19 -21, 30-31; Salm 67; Lhud 12: 18-19, 22-24a; Luqa 14,1,7-14
Il–Vanġelu
Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih.
Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post ta’ l-aħħar. Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post ta’ l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ‘il fuq.’ U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.” Mbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!”
Il-Ħsieb
Hemm bżonn li niċkienu aħna biex jidher Ġesù għax wara kollox l-unika darba li għola aktar minna Ġesù kien fuq is-salib imtertaq għal dnubietna biex jiksbilna s-salvazzjoni tagħna.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-ktieb ta’ Bin Sirak, huwa stedina għall-umiltàu biex wieħed ma jitkabbarx meta jkollu l-ġid, anzi jaqsmu ma’ min huwa fqir u fil-bżonn. Is-Salm Responsorjali, minn Salm 67, juri li l-Mulej jaħseb ukoll fil-fqir u l-batut u ħejja post għalihom, għax Alla huwa “Missier il-Ħniena u difensur tar-romol.” Fit-Tieni Qari mill-ittra lil-Lhud insibu li fir-Rabta l-Qadima l-Lhud kienu jersqu lejn Alla bil-biża’ u t-tregħid. L-awtur ta’ l-ittra lil-Lhud iħeġġeġ lin-nies jersqu lejn il-Mejda Ewkaristika mingħajr biża’. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa llum insibu lil Ġesù jidħol għand wieħed mill-kapijiet għall-ikla. Juża dan il-mument biex joħroġ fil-beraħ il-problema ta’ dawk li jagħmlu kollox għal wiċċ in-nies b’tant suppervja. Isostni li ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar u ta’ l-aħħar l-ewwel. Hemm bżonn eżerċizzju kbir fl-umiltà.
Il-Ħajja
- Kemm tassew qatt għamilna eżami tal-kuxjenza dwar is-suppervja u l-egoiżmu fil-ħajja tagħna? Dejjem trid tgħaddi tiegħek? Dejjem int għandek raġun?
- Kemm qatt irriflettejt dwar l-għażliet li għamilt fil-ħajja tiegħek għall- foqra?
- Il-Mejda Ewkaristika tagħtina l-qawwa u ssaffina mill-egoiżmu u s-suppervja għax nirċievu l-ġisem u d-demm ta’ Kristu mimlijin tjubija u fejqan. Kemm qed nersqu lejn dan is-sagrament bil-ferħ u mingħajr biża’?
- L-għażliet f’ħajjitna jridu jkunu ċari favur u mal-Mulej. Minkejja d-difetti tagħna hemm bżonn li ninħallu mis-suppervja u ngħixu b’umiltà l-jiem ta’ ħajjitna.
Id-Djalogu
Mulej, taf li xi ftit jew wisq
jien supperv.
Għinni nħares lejk,
lejn is-Salib,
biex nagħraf inkun umli fil-ħajja tiegħi.