TĦABTU! – Il-21 Ħadd Matul is-Sena – 21 t’Awwissu 2016
Il-21 Ħadd Matul is-Sena
TĦABTU!
Isaija 66: 18-21; Salm 116; Lhud 12; 5-7; 11-13; Luqa 13: 22-30
Il–Vanġelu
Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’ Mbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’ Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m’hux sewwa!’ Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ‘l barra. U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu ta’ l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu ta’ l-ewwel u għad ikun l-aħħar.”
Il-Ħsieb
Li tgħix il-fidi tiegħek m’hi ħaġa faċli xejn. Nhar il-Ħadd il-Mulej tenna li rridu nqabbdu n-nar biex nissaffew mid-dnubiet. Mingħajr sagrifiċċju ma aħniex se nissaffew. Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jtenni li hemm bżonn aktar sagrifiċċju biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla. Hemm bżonn aktar impenn ħaj u ċar fil-ħajja tagħna biex nidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet. Is-salvazzjoni m’aħniex se nakkwistawha billi noqogħdu idejna fuq żaqqna. Hemm bżonn li n-nisrani jkun protagonist fis-soċjetà tiegħu, mhux billi jiftaħar iżda billi lkoll nagħrfu nwettqu dak li l-Mulej għallimna biex inwettqu fil-ħajja ta’ kuljum. Hemm bżonn ukoll li ma nitnikkrux u naslu tard għal dak li jtenni l-Mulej għalina. Permezz tal-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja rridu nkunu dejjem lesti biex meta l-Mulej isejħilna nidħlu miegħu.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ Isaija fejn naraw li għalkemm il-Lhud kienu l-poplu t’Alla dan ma kienx ifisser li l-oħrajn ma kinux se jsalvaw. Il-miġja tal-Messija kellha ġġib l-għaqda tal-ġnus kollha fit-tempju ta’ Alla. Is-Salm Responsorjali huwa stedina għal impenn totali biex immorru fid-dinja kollha ħalli nxandru l-Bxara t-Tajba. Fit-Tieni Qari, meħud mill-ittra lil-Lhud, għandna t-twissija biex ma nwarrbux il-Kelma tal-Mulej u ma naqtgħux qalbna, għax il-Mulej magħna l-ħin kollu. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu l-Mulej iwissina biex nimpenjaw ruħna għax is-salvazzjoni mhix se tasal waħedha. Hemm bżonn li kulħadd iwettaq dak li għallimna l-Mulej. Hemm bżonn ukoll li ma nitnikkrux fil-fidi tagħna.
Il-Ħajja
- Qed ngħixu l-fidi tagħna bl-iskossi? Inqerru f’xi funeral jew tieġ?
- Kemm tassew qed nagħmlu mill-fidi tagħna sfida u impenn kuljum biex intejbu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla u magħna nfusna?
- Il-Mulej illum jgħidilna li huwa iebes biex insalvaw iżda se nsalvaw għax huwa ssagrifika ħajtu għalija u għalik. Hemm bżonn li nagħmlu kuljum reviżjoni tal-ħajja tagħna fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla.
- Kun sinċier miegħek innifsek… xi tfisser tgħix ta’ nisrani? Kif qed tgħix ta’ nisrani llum?
- Ieqaf u aħseb. Kif qed taħdem u timpenja ruħek id-dar, ix-xogħol, l-iskola, fit-triq, mal-ħbieb, bħala nisrani?
Id-Djalogu
Mulej,
nafu li l-bieb dejjaq,
nafu li hemm diffikultajiet biex ngħixu l-fidi tagħna.
Iżda inti mitt għalina
biex aħna nqumu min-ngħas, mir-raqda, mill-apatija.
Għinni Mulej kull ħin
inkun tassew dixxiplu tiegħek bil-fatti.