TINKWIETA? – Is-16-il Ħadd Matul is-Sena – 17 ta’ Lulju 2016
Is-16-il Ħadd Matul is-Sena
TINKWIETA?
Ġenesi 18:1-10a; Salm 14; Kolossin 1:24-28; Luqa 10:38-42
Il-Vanġelu
Huma u sejrin, daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”
Il-Ħsieb
L-inkwiet ħafna drabi jkisser l-armonija u l-ħajja tal-bniedem. L-inkwiet fuq affarijiet kbar u żgħar ma jħallikx fil-kwiet u l-paċi. Il-messaġġ li l-Mulej irid jagħtina llum huwa li aktar ma nintrabtu ma’ affarijiet ta’ din id-dinja aktar se jkollna nkwiet. Hemm bżonn li nafdaw f’Alla u li l-veru teżor tagħna hu fis-sema. Ġesù jenfasizza, fil-laqgħa ma’ Marta u Marija, li huwa importanti li kollox jitlaq mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, biex wara, l-affarijiet u l-proġetti tagħna materjali jagħmlu sens fil-ħajja tagħna. Ħafna drabi l-inkwiet inġibuh b’idejna stess meta nwarrbu l-kliem ta’ Ġesù u nimxu wara l-proġetti ta’ rasna.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-eżempju ta’ Abraham li jilqa’ għandu tlett irġiel li ma jafhomx. L-ospitalità tiegħu hija mbuttata mill-fatt li jwettaq dak li jitlob minnu Alla kuljum. L-ospitalità hija virtu li n-nisrani jrid jipprattika tul ħajtu kollha. Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 14, għandna mistoqsija: Mulej min jgħammar fid-dar tiegħek? Din il-mistoqsija ssib it-tweġiba tagħha fil-attitudni tagħna għall-Kelma ta’ Alla. Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, għandna lill-Appostlu jqis lilu nnifsu bħala l-Ministru tal-Misteru, li huwa Kristu, li jissallab għall-Knisja tiegħu. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna l-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Marta u Marija fejn iwissi lil Marta biex tpoġġi l-Kelma t’Alla bħala l-prijorità ta’ ħajjitha kif għamlet Marija.
Il-Ħajja
- Qatt irriflettejt x’inhu l-veru nkwiet tiegħek fil-ħajja ta’ kuljum? Kif qed tipprova tegħleb dan l-inkwiet? Tersaq lejn Ġesù fl-Ewkaristija?
- Il-Mulej itenni llum li ma jridniex ninkwetaw fuq l-affarijiet materjali. Fejn huwa t-teżor ta’ qalbek fuq din l-art?
- Bħal Marija, lest li titlaq kollox biex tisma’ lil Ġesù?
- Li tisma’ lil Ġesù jfisser li xxandru, kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari, kif ukoll li tilqa’ ’l barrani kif jagħmel Abraham fl-Ewwel Qari tal-lum. Lest għal dawn l-isfidi?
- Il-Kelma tal-Mulej hija sfida-avventura-missjoni, iżda rridu kull ħin nisimgħu aktar il-Mulej biex nagħarfu xi jrid minna.
Id-Djalogu
Aħna nisimgħu l-kelma tiegħek,
ħafna drabi nħossuha iebsa.
Għinna, Mulej, biex ilkoll kemm aħna
naċċettaw il-qawwa ta’ din il-kelma
li tibdel il-mod ta’ ħajja tagħna.
Għinna biex nilqgħu lill-barrani
u nxandru l-kelma tiegħek kull ħin.