U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU? – Il-15-il Ħadd Matul is-Sena – 10 ta’ Lulju 2016
Il-15-il Ħadd Matul is-Sena
U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU?
Dewteronomju 30:10-14; Salm 68; Kolossin 1:15-20; Luqa 10:25-37
Il-Vanġelu
Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.” Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’ Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih,” wieġbu dak. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.”
Il-Ħsieb
Kemm-il darba fil-ħajja tagħna nkunu nafu x’irridu nagħmlu iżda minħabba tant skużi li nġibu magħna nfusna ma nwettqu xejn! U nkunu diżappuntati li stajna għamilna ftit ġid u minflok bqajna skantati. Din hija wkoll il-problema li Ġesù jpoġġi quddiemna llum. Ir-raġel għaref tal-liġi – u minn dawn hawn ħafna mas-saqajn! – ried iġarrab lil Ġesù. Kien jaf Ġesù x’se jwieġeb iżda ried jara x’se jgħid. Xtaq jistaqsi lil Ġesù xi jfisser tkun tgħix tajjeb u xi trid tagħmel. Ġesù wieġbu ċar li hemm il-liġi ta’ Alla li trid tiġi obduta… u aktar. Ħobb lil għajrek bħalek innfisek. U dan il-proxxmu min hu?
U Ġesù jurih malajr min kien il-proxxmu tiegħu. Itenni li hemm bżonn li lill-proxxmu tagħna narawh f’dawk li jkunu ħdejna u nwettqu azzjoni biex ngħinuhom. Għaliex toqgħod tisma’ l-istejjer u tgħid, jaħasra, jekk imbagħad inti ma tagħmel xejn biex terfa’ s-sofferenzi tal-batut?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tad-Dewteronomju, għandna silta fejn naraw il-qawwa tal-liġi tal-Mulej u tħeġġiġ biex il-poplu jħobb din il-liġi. Il-Kelma ta’ Alla hija qrib il-poplu u jeħtieġ li l-poplu stess jagħtiha l-ħajja. Fis-Salm Responsorjali għandna għanja lill-Mulej u twissija fl-istess ħin: li l-qalb tagħna tgħix, aktar ma nfittxu r-rieda ta’ Alla. Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna innu ta’ tifħir lil Kristu għax huwa l-qofol u l-għan tal-ħolqien kollu. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa Ġesù jiġi mġarrab minn għaref tal-liġi dwar l-ubbidjenza għall-Kelma t’Alla. Ġesù jenfasizza, anki bil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, li l-Kelma t’Alla tinduna li qed tgħixha meta tagħtiha l-ħajja bl-għemil tiegħek.
Il-Ħajja
- Kemm tassew tista’ tgħid li taf x’irid il-Mulej minnek u kemm qed tipprova tgħix il-kelma tiegħu fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?
- Min hu l-proxxmu tiegħek? Qed tiftaħ għajnejk sew biex tagħraf min hu?
- Il-Mulej iridna nkunu familjari mal-kelma tiegħu biex inlaħħmuha fl-aġir tagħna ta’ kuljum. Qed tagħmel dan l-isforz fil-ħajja tiegħek?
- Il-Mulej iridna nkunu nies ta’ ħniena u kompassjoni.
Id-Djalogu
Mulej, inti tridni nħares madwari
u ngħix bil-fidi fil-ħajja tiegħi
il-mument li tippreżentali;
agħmel li ma naħrabx din ir-realtà,
b’mod speċjali meta niġi ffaċċjat
b’għajnuna urġenti lil dawk ta’ madwari,
għax inti għentni kuljum,
qabel biss indunajt bik.