MORRU FIL-MISSJONI – It-14-il Ħadd Matul is-Sena – 3 ta’Lulju 2016

MORRU FIL-MISSJONI – It-14-il Ħadd Matul is-Sena – 3 ta’Lulju 2016

July 2, 2016

It-14-il Ħadd Matul is-Sena

MORRU FIL-MISSJONI

Isaija 66:10-14c; Salm 65;  Galatin 6:14-18; Luqa 10:1-9

Il-Vanġelu

     F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.  Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.  Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar.”  U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom.  Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.  F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;  fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.” ”

Il-Ħsieb

     Aħna l-insara m’aħna qatt nies passivi.  Il-fidi tagħna tagħmilna protagonisti tas-soċjetà li fiha qed ngħixu għaliex ilkoll kemm aħna rridu naħdmu mingħajr waqfien fil-missjoni-għalqa li bagħatna naħdmu fiha l-Mulej.  Il-Mulej huwa magħna imma jridna naħdmu mingħajr waqfien fl-għalqa tiegħu fis-soċjeta tagħna.  Il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-kelma tal-lum huwa dak li mhux biss jagħmlilna kuraġġ iżda jqawwi l-qalb tagħna biex nintelqu f’idejn il-Mulej b’mod attiv,  inxammru l-kmiem u minkejja d-difetti tagħna mmorru fejn jibgħatna Hu – fid-djar tagħna, fil-komunitajiet  tagħna, fil-post tax-xogħol, naħdmu u nwasslu l-kelma tiegħu lill-oħrajn.  Din hija l-missjoni-avventura li għaliha huwa msejjaħ kull Nisrani.  Din hija l-missjoni li lkoll kemm aħna rridu nagħrfu nwettqu, din hija l-missjoni li permezz tagħha rridu niżirgħu kontinwament is-sliem permezz ta’ l-għemil, il-kliem u x-xhieda tagħna bħala Nsara ħajjin.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari huwa meħud minn Isaija fejn għandna l-poplu ta’ Israel jirritorna lejn l-eżilju iżda l-ħolma ta’ bini ta’ Ġerusalemm Ġdida għadha ’l bogħod wisq biex isseħħ.  Ħafna qed jaqtgħu qalbhom u għalhekk il-profeta jħeġġiġhom billi jurihom il-figura ta’ Alla bħala omm li tħares lil uliedha u żżomm kelmitha magħhom.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 65, għandna għanja ta’ tifħir lill-Mulej għall-“opri sbieħ” li huwa jwettaq magħna kuljum.  It-Tieni Qari huwa meħud minn San Pawl permezz ta’ l-Ittra tiegħu lill-Galatin.  San Pawl jagħlaq din l-ittra b’għajta ta’ ferħ u radd il-ħajr fejn jiftaħar biss bis-salib ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jibgħat lill-Appostli u d-dixxipli tnejn tnejn jevanġelizzaw.  In-numru 72, f’Ġenesi Kap 10, jissimbolizza l-ġnus kollha ta’ l-art.  Ġesù jenfasizza li l-ħsad kbir u l-ħaddiema ftit u għalhekk għandhom jistrieħu mhux fuqhom infushom iżda fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Ħajja

  1. Qatt ħsibt u rriflettejt fuq il-missjoni li Ġesù bagħtek biex twettaq f’din id-dinja?
  2. Qatt ħsibt inti min int u x’jixtieq Ġesù minnek il-lum, issa f’dan il-waqt, u x’qed tkun ir-risposta tiegħek?
  3. Kemm tħossok tassew viċin Ġesù u li qed twettaq il- missjoni tiegħu fil-post fejn tgħix jew taħdem kuljum?
  4. Ġesù jgħidilna biex nifirħu għax dawk kollha li jwettqu l-missjoni li l-Mulej bagħathom iwettqu għandhom isimhom miktub fis-sema.
  5. Kemm tħoss li inti, bil-qawwa ta’ Ġesù qed tkun ħabbâr tas-sliem fl-ambjent tiegħek?

Id-Djalogu

  Mulej,

  lili wkoll tajtni missjoni,

  li naqdik b’impenn fl-ambjent tiegħi.

  Ħafna drabi Mulej, inħossni dgħajjef,

  minkejja li mdawwar

  bl-opri kbar tiegħek.

  Mulej, imlieni bil-kuraġġ

  sabiex nagħraf kull ħin nagħti xhieda tiegħek

  fuq il-kelma u l-grazzja li inti żrajt fija.