NIMXU WARAJH KULL ĦIN! – It-13-il Ħadd Matul is-Sena – 26 ta’Ġunju 2016

NIMXU WARAJH KULL ĦIN! – It-13-il Ħadd Matul is-Sena – 26 ta’Ġunju 2016

June 22, 2016

It-13-il Ħadd Matul is-Sena

NIMXU WARAJH KULL ĦIN!

1 Slaten 19, 16b 19-21; Salm 15; Galatin 15:1,13-18;  Luqa 9:51-62

 


Il-Vanġelu

      Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor. 

      Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.” U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta’ l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.”  Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.” U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil  tad-dar.” Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”

 

Il-Ħsieb

     Li timxi tul ħajtek f’direzzjoni tajba kontinwament huwa proġett iebes.  Li timxi wara Ġesù kontinwament huwa iebes ħafna għaliex kif tenna Hu stess il-Ħadd li għadda, trid tkun motivat fil-mixi tiegħek billi terfa’ s-salib kuljum ħalli timxi warajh u xxandru kontinwament.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum aħna ntennu b’fidi kbira li “il-Mulej huwa s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija” għaliex il-Mulej “ma jħallix il-maħbub tiegħu jara t-taħsir.”  Din ix-xewqa jew karba tagħna lkoll toħroġ fil-beraħ meta Ġesù jsejħilna biex nimxu warajh mingħajr kundizzjonijiet.  Ma nistgħux inħarsu lura mill-moħriet.  Meta tlaqna fuq il-ħidma mal-Mulej irridu nħarsu ’l quddiem fil-mixi tagħna biex naraw fejn sejrin, naraw l-ostakli u ma nitfixklux.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tas-Slaten u juri lil Elija jsejjaħ lil Eliżew biex ikun profeta floku.  Bil-mantar tiegħu huwa jagħti l-missjoni u l-impenn ġdid lil Eliżew.  Fis-Salm Responsorjali għandna l-għajta li l-Mulej huwa s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija.  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra lill-Galatin, San Pawl jurina tassew x’inhi l-libertà.  San Pawl itenni li meta l-libertà tfisser biss li taħseb għal rasek issir jasar.  Il-libertà vera hija dik ta’ min twieled fil-Ġisem ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nibdew naqraw is-sezzjoni li hija msejħa tal-vjaġġ il-kbir ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm.  Din il-mixja rridu nifhmuha fis-sens simboliku tagħha, jiġifieri li Ġesù jdur u jkompli l-missjoni tiegħu minkejja l-persekuzzjoni.

Il-Ħajja

  1. Jekk tassew irridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù rridu nwieġbu bl-għemil is-sejħa li nimxu warajh.
  2. Timxi warajh ifisser li ma tintrabatx mad-dinja u ma tħarisx lura u titlaq idek mill-moħriet. Taljenax ruħek u kompli aħrat; wettaq il-missjoni fdata f’idejk minn Ġesù.
  3. Kull wieħed u waħda minna fil-Magħmudija u l-Griżma ta’ l-isqof irċevejna konferma ta’ missjoni li rridu nwettqu. Taf x’inhi l-missjoni tiegħek fil-ħajja ta’ kuljum?  Jekk inti omm ta’ familja, tifel ta’ l-iskola, reliġjuż fil-komunità, qed tagħraf timxi tassew warajh u  twieġeb għal din it-tweġiba li qed jagħmel b’mod personali Ġesù?
  4. Kemm tassew qed tħossok liberu meta ssegwi lil Ġesù? Kemm tassew qed timxi wara Ġesù għax trid inti u mhux imbuttat minn ġrajjiet u tradizzjoni, minn persuni jew forsi superstizzjonijiet reliġjużi?  Qed timxi warajh kull ħin għax veru tħobb u tħossok viċin Ġesù?

Id-Djalogu

  Mulej, inti sejjaħtli,

  inti ssejjaħli kuljum biex nimxi warajk

  inti tgħidli biex ma nħarisx lura,

  inti tridni nibqa’ fid-dinja

  iżda mhux marbut bl-affarijiet tad-dinja.

  Mulej, agħtini kuraġġ

  biex b’ghemili u qalbi

  nimxi warajk

  kull ħin.