TWEĠIBA PERSONALI MA’ ĠESÙ – It-12-il Ħadd Matul is-Sena – 19 ta’ Ġunju 2016

TWEĠIBA PERSONALI MA’ ĠESÙ – It-12-il Ħadd Matul is-Sena – 19 ta’ Ġunju 2016

June 13, 2016

It-12-il Ħadd Matul is-Sena

TWEĠIBA PERSONALI MA’ ĠESÙ

Żakkarija 12:10-11; Salm 62; Galatin 3:26-29;  Luqa 9:18-24

Il-Vanġelu

Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu  d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?”  Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta’ l-imgħoddi.” Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla.”

      Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.” Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.

 

Il-Ħsieb

     Ngħidu li aħna nsara.  Ngħidu li aħna ta’ Kristu.  Immorru l-quddies il-Ħadd.  Imma kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dak Kristu li nemmnu fih?  U fuq kollox kemm tassew nemmnu f’dak Kristu li aħna lkoll dixxipli tiegħu?  Min huwa Kristu għalina?  Għadu rilevanti fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inxandruh ma’ l-oħrajn?  Kif u kemm qed inxandruh u ngħixu kliemu kuljum?

     Dawn huma l-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħna meta naqraw il-Vanġelu u l-liturġija tal-lum it-tnax il-Ħadd tas-Sena.  Bdejna mill-ġdid dawn il-Ħdud u lkoll kemm aħna rridu ngħixu l-festi li għadhom kemm għaddew minn fuqna.  Pentekoste, Trinità, Corpus.  Għaddejna wkoll mill-festa tal-Qalb ta’ Ġesù li turi kemm ilkoll kemm aħna għandna qalb kbira tistenniena kull ħin.  Il-mistoqsija ta’ Ġesù lil Pietru hija l-mistoqsija li jagħmel Ġesù lili u lilek kull ħin:  ir-risposta rridu nuruha bil-mod kif qed ngħixu, kif qed nitkellmu, kif qed inwieġbu għal kull proġett ta’ ħajjitna.

Il-Kelma

     L-Ewwel qari huwa mill-ktieb tal-Profeta Żakkarija fejn il-profeta jħabbar żmien il-Messija meta l-poplu t’Alla jinbena mill-ġdid u jissebbaħ quddiem il-ġnus ta’ l-artijiet kollha.  Dan iż-żmien ikun ta’ tisfija għall-poplu.  Is-Salm 62 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum huwa l-għajta li turi l-għatx li għandna għall-Mulej, għatx li jrid jidher fl-għażla ewlenija tagħna kuljum għal dak li l-Mulej iridna nwettqu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Galatin, jagħtina sensiela ta’ espressjonijiet dwar min huwa n-nisrani: aħna “ilkoll werrieta skond il-wegħda.”  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna lil Ġesù jistaqsi lill-appostli min jgħidu n-nies li hu.  Domanda mmirata mhux mill-kurżità iżda biex jara l-appostli kemm tassew jafu u fehmu min kien.  Mat-tweġiba ta’ Pietru Ġesù jurihom li d-dixxipulat tiegħu kien ifisser ukoll is-salib.

Il-Ħajja

  1. Biex timxi wara Ġesù u allura tkun taf min hu hemm tliet affarijiet xi ssegwi: (a) tiċħad lilek innifsek; (b) terfa’ salibek kuljum; (c) timxi wara Ġesù. Kemm aħna lesti li nwettqu dan?
  2. Meta terfa’ s-salib tiegħek u mhux tilħaq salib ħaddieħor hemm tassew tkun qed twieġeb għad-domanda: Min hu Ġesù għalik?
  3. Kemm tassew ilkoll kemm aħna nafu li Ġesù qiegħed magħna kull ħin, proprju biex nagħrfu min hu u nużawh għall-ħtiġijiet tagħna? Din hija l-umiltà kbira ta’ Ġesù.
  4. San Pawl lill-Galatin jgħidilhom li aħna lkoll werrieta ta’ din il-wegħda tas-salvazzjoni li kisbilna Kristu. Huwa għalhekk li aħna lbisna lil Kristu.  Iżda kif qed nagħtu xhieda ta’ dan kull ħin fix-xogħol u fil-ħidma tagħna?

 

Id-Djalogu

  Mulej,

  nazzarda ngħid li naf min inti.

  Inti l-Messija l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.

  Iżda, Mulej, kemm tassew

  nixtieq li tgħinni

  ħalli qatt ma nwarrab minn ħajti

  li nwettaq ir-rieda tiegħek.