Bil-Maħfra Lejn l-Imħabba – Il-11-il Ħadd Matul is-Sena – 12 ta’ Ġunju 2016

Bil-Maħfra Lejn l-Imħabba – Il-11-il Ħadd Matul is-Sena – 12 ta’ Ġunju 2016

June 9, 2016

Il-11-il Ħadd Matul is-Sena

BIL-MAĦFRA  LEJN  L-IMĦABBA

2 Samwel, 12.7-10,13; Salm 31; Galatin 2, 16,19-21; Luqa 7:36-8,3,

Il-Vanġelu

      Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel.  Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta’ l-alabastru biż-żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!” Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.” “Għid, mgħallem,” qallu dak. “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin.  Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?” Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.” “Ħsibtha tajjeb” qallu Ġesù.  Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” Mbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.” Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?”   Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”

     Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten,  Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

 

Il-Ħsieb

     DJALOGU – MAĦFRA – MĦABBA – ĦBIBERIJA huma l-ingredjenti li qed joffri Ġesù llum.  Ingredjenti li mhux dejjem nagħrfu nagħġnuhom fil-ħajja tagħna.  Huwa għalhekk importanti li l-Kelma tal-Mulej tal-lum inħalluha tinżel fil-fond ta’ qalbna bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar.

     Il-midinba magħrufa ħabbet lil Ġesù.  Ħabbitu fid-deher.  Tat xhieda ta’ l-indiema tagħha b’umiltà kbira.  Il-Mulej Ġesù jfejjaq meta jara l-volontà ta’ l-indiema.  Tliet frażijiet malajr fejquha kompletament.  “Dnubietek maħfura”;  “Il-fidi tiegħek salvatek”; u “Mur fis-Sliem”.  Hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna u aktar fil-qlub tagħna li hija permezz ta’ l-indiema li ser insibu l-paċi.  Ma hemmx għalfejn nistħu.  Jistħi min għad m’għandux il-kuraġġ jaċċetta li huwa midneb.

Il-Kelma

     L-ewwel qari huwa meħud mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel fejn għandna l-għeluq tar-rakkont tad-dnub kbir ta’ David bil-maħfra li Alla jagħti lil David.  Is-Salm Responsorjali, permezz ta’ Salm 31, huwa talba lill-Mulej biex jaħfer il-ħażen u d-dnubiet tagħha.  Fit-tieni qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, insibu lill-Appostlu jtenni li s-salvazzjoni tiġi biss minn Kristu.

     Il-kontroversja ta’ Kristu li jħalli l-midinbin jersqu tant lejh, hija t-tema prinċipali li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Luqa.  Huwa Vanġelu li lkoll kemm aħna rridu nagħtu każ tiegħu għax fih hemm ritratt tagħna lkoll.

Il-Ħajja

  1. Kemm-il darba fil-ħajja tiegħek aċċettajt il-fatt li inti midneb u ndimt minn dnubietek?
  2. Kemm tassew aċċettajt li Kristu Ġesù huwa l-uniku triq għas-salvazzjoni f’ħajtek?
  3. Kif qed turi li inti ndimt minn dnubek?
  4. Il-fidi tiegħek ser issalvak? Għandek fidi biżżejjed fi Kristu?

Id-Djalogu

  Aħfirli, Mulej, il-ħażen ta’ dnubi.