U L-MEJJET QAM – L-10 Ħadd Matul is-Sena – 5 ta’ Ġunju 2016

U L-MEJJET QAM – L-10 Ħadd Matul is-Sena – 5 ta’ Ġunju 2016

May 30, 2016

L-10 Ħadd Matul is-Sena

U L-MEJJET QAM

1 Slaten 17, 17-24;  Salm 29; Galatin 1,11-19, Luqa 7,11-17

Il-Vanġelu

      Wara dan imbagħad mar f’belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies.  Kif wasal qrib il-bieb  tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha. “Tibkix,” qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”  U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.  In-nies kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna” u, “Alla żar il-poplu tiegħu.”   U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.

Il-Ħsieb

     Ġesù ltaqa’ mal-mewt u rebħilha.  Ġesù ltaqa’ mal-mejjet u qajmu.  Reġa’ tah il-ħajja, reġa’ tah lura għand ommu.  Kemm-il darba nkunu qegħdin agunija spiritwalment u nibqgħu nwebbsu qalbna għal dik il-qalb miftuħa beraħ għalina?  Kemm tassew ilkoll kemm aħna rridu nifhmu li kull darba li nitbegħdu minn Alla għalina tkun mewta?  Kemm-il darba niftakru li kull darba li nersqu lejh huwa ser iqajjimna?  Il-messaġġ tal-lum huwa messaġġ qawwi għaż-żgħażagħ.  Ġesù jiltaqa’ maż-żagħżugħ mejjet u jqajmu.  Kemm hawn żgħażagħ mejtin… żgħażagħ mejtin permezz tad-droga… mejtin permezz tal-vizzji…  mejtin għaliex m’humiex kapaċi jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom?

     “Żagħżugħ qiegħed ngħidlek QUM!”  U ż-żagħżugħ qam, kif ser iqumu ż-żgħażagħ kollha, kif ser inqumu aħna meta nersqu mal-Mulej biex nafdawlu l-ħajja tagħna.

Il-Kelma

     L-ewwel qari huwa meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  Fih għandna r-rakkont ta’ l-Armla ta’ Sarefta u l-qawmien tat-tifel tagħha permezz tal-Profeta  Elija.  Fis-Salm Responsorjali, illum mis-Salm 29, għandna għanja lill-Mulej għaliex refagħna mill-mewt tagħna.  Fit-tieni qari, mill-Ittra lill-Galatin, għandna lil San Pawl jurina li l-mirakli li għamel Ġesù huma l-ħelsien mid-dnub u l-mewt li ġab id-dnub.  Fil-Vanġelu San Luqa jirrakkonta l-qawmien ta’ bin l-armla ta’ Najm.  Huwa rakkont li ried jurina l-qawwa ta’ Kristu fuq il-mewt.

Il-Ħajja

  1. Għaliex inkomplu nwebbsu qalbna u ntaqqlu ħajjitna?
  2. Għaliex ma nħallux lill-Mulej iqajjimna… mill-medjokrità ta’ ħajja li ħafna drabi naqgħu fiha?
  3. It-talba tagħna llum tmur b’mod speċjali għaż-żgħażagħ kollha biex il-Mulej imisshom u jfejjaqhom mill-imwiet ta’ kuljum?
  4. Bħall-armla ta’ Sarefta rridu nkunu minn ta’ l-ewwel li nilqgħu l-mexxejja li jibgħatilna l-Mulej biex iwasslulna l-Bxara t-Tajba.

Id-Djalogu

  Mulej, qajjimna mill-imwiet ta’ kuljum.