missierna

TAF TITLOB? – Is-17-il Ħadd Matul is-Sena – 24 ta’ Lulju 2016

July 11, 2016

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

TAF TITLOB?

Ġenesi 18:20-22;  Salm 137;  Kolossin 2:12-14; Luqa 11:1-13

Il-Vanġelu

     Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”  U qalilhom: “Meta titolbu, għidu,

‘Missier, jitqaddes ismek,

tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min

hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’ “

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’  U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin  fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’ Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom:  Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom.   Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.  Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?   Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?   Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

 

Il-Ħsieb

     It-talb, kif naħsbu xi kultant, irridu nagħmluh bilfors, qisu kien xi rit kultwali obbligatorju għall-Insara kollha.  Iżda t-talb huwa mument ta’ relazzjoni intima mal-Ħallieq tagħna u ma’ l-Imgħallem tagħna.  Huwa djalogu, mument li fih tagħmel sħaring, qsim ta’ esperjenza mal-Mulej.  Kemm tassew qed inqisu lit-talb b’dan il-mod?   Kemm qed insibu ħin biex nitolbu fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inkunu nies ta’ talb fil-prijoritajiet tagħna d-dar, ix-xogħol, l-iskola?  S’intendi t-talb jitlob miegħu wkoll li nagħtu xhieda.  It-talb huwa ringrazzjament lil Alla għal dak kollu li jagħtina u mhux biss dak li rridu issa.  Irridu wkoll nitolbu biex niskopru r-rieda ta’ Alla fil-futur.

     Għalhekk illum il-Mulej jgħallimna nitolbu bit-talba tal-Missierna.  Hija talba li tiġbor kemm ir-ringrazzjament li rridu nagħtu lil Alla kif ukoll it-talb tagħna għal issa, għal dak li rċevejna u dak li se nirċievu.  Il-Mulej iħeġġiġna biex nitolbu.  Se nkomplu nibnu din ir-relazzjoni ħajja mal-Ħallieq kull ħin?

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ġenesi, għandna djalogu bejn Alla u Abraham li fih toħroġ l-importanza tad-djalogu mingħajr waqfien.  Il-ħtieġa tat-talb narawha wkoll fis-Salm Responsorjali tal-lum fejn insibu li fil-jum li fih sejjaħtlek smajtni Mulej.  Il-Mulej jismagħna kull darba li nduru lejh.  San Pawl, fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Kolossin, juri li aħna se nsalvaw bil-grazzja ta’ Alla u mhux billi nħarsu l-liġijiet tar-Rabta l-Qadima.  Aħna nieħdu din il-grazzja tas-salvazzjoni fil-Magħmudija.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu lil Ġesù jwieġeb għat-talba ta’ l-Appostli biex jgħallimhom jitolbu.  Huwa jgħallimhom il-Missierna li tiġi għalhekk il-mudell tat-talb kollu tagħna.  Ġesù jinsisti biex nitolbu kontinwament u b’hekk noħolqu rapport ta’ mħabba mal-Missier.

Il-Ħajja

  1. Liema huma l-mumenti ta’ talb kuljum fil-ħajja tiegħek personali? Tħossok li tingħaqad ma’ Alla fit-talb?
  2. Kemm qed inkunu nies ta’ talb u nitolbu li titwettaq ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna?
  3. Fid-dawl tat-talba tal-Missierna, it-talb tagħna qed ikun ukoll talb ta’ ringrazzjament u radd ta’ ħajr lil Alla jew nitolbu biss meta niġu daharna mal-ħajt?
  4. Fil-mument li aħna nitolbu u nippretendu li nsibu lil Alla Mħabba  lest li jgħinna, irridu nkunu lesti li ngħinu b’kull mezz lill-proxxmu tagħna.

Id-Djalogu

   Missierna li inti fis-smewwiet,

   jitqaddes ismek,

   tiġi saltnatek,

   ikun dak li trid inti

   fis-sema u fl-art.

read more