MINN ISSA QADDISIN! – 1 ta’ Novembru: Festa tal-Qaddisin Kollha
1 ta’ Novembru: Festa tal-Qaddisin Kollha
MINN ISSA QADDISIN!
Apokalissi 7,2-4,9-14; Salm 23; 1 Ġwanni 3:1-3; Mattew 5:1-12a
Il-Vanġelu
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja, u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu. U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid: “Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jisbu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.”
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Il-Ħsieb
Illum niċċelebraw il-festa tal-Qaddisin Kollha, mhux biss dawk li nafu iżda wkoll dawk li ma nafux: mijiet, eluf, miljuni li għexu l-ħajja tagħhom fid-dawl ta’ l-Imgħallem u issa qed igawduh għall-eternità. Il-festa tal-lum timliena b’ferħ kbir għax niċċelebraw il-fatt li aħna lkoll ulied id-dawl u wlied ir-rebħa. Din hija l-qdusija tagħna, li wara li nkunu dixxipli mal-Mulej, kapaċi nkunu miegħu għall-eternità. Dan huwa l-premju li għalih ngħixu l-qdusija tagħna. Li tipprova tgħix il-ħajja tiegħek fid-dawl tal-Kelma tal-Ħajja, il-Kelma tal-Mulej, mhix ħaġa faċli għaliex titlob impenn totali fil-ħajja tiegħek kollha; kull mument ta’ ħajtek irid ikun immirat lejn dan l-ideal. Huwa għalhekk li l-festa tal-lum timliena b’kuraġġ iżda hija wkoll stimolu għal tiġdid fil-ħajja tagħna, tiġdid li jagħmel biss sens meta nagħmlu reviżjoni ta’ ħajitna u wara nimpenjaw ruħna b’mod qawwi ma’ Kristu u għal Kristu.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi, insibu li San Ġwann għandu quddiemu dehra tal-magħżulin ta’ Alla li m’mhumiex biss mill-poplu Lhudi iżda mill-ġnus kollha. Qed jagħtu ’l Alla tifħir u qima. Fis-Salm 23 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum jingħad li l-qaddisin huma dawk li daħlu s-sema u qed jithennew fil-ħbiberija ma’ Alla. Għalhekk intennu flimkien “Dan huwa n-nisel ta’ dawk li jfittxu ’l wiċċek, Mulej.”
Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San ~wann, insibu li l-imħabba li biha ħabbna l-Mulej hija tant kbira li nistgħu nissejħu wlied Alla. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna lil Ġesù jagħmel id-diskors tal-muntanja, il-Beatitudnijiet, li fih hemm il-messaġġ ċentrali tat-tagħlim ta’ Ġesù. Fuq dan it-tagħlim jeħtieġ li nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza tagħna.
Il-Ħajja
- Inħossuna li aħna parti min-nies li nfittxu wiċċ il-Mulej kif tennejna fis-Salm Responsorjali? Kemm qed infittxu r-rieda ta’ Alla fl-għażliet tagħna ċkejkna jew kbar ta’ kuljum?
- Il-Mulej isejjaħ ħenjin lil dawk li huma msallba bil-problemi tal-ħajja… tagħmel sens din għal ħajjitna? Qegħdin inħossu lil Ġesù fil-mumenti iebsa tal-ħajja?
- Il-qdusija hija mixja ta’ dixxipulat. Ħajjitna hija xhieda ta’ dixxipulat wara Kristu jew dixxipulat wara l-modi ta’ żminijietna?
- Il-Mulej ħabbna u nistgħu nissejħu wlied Alla. Aħna qed inħobbuh wkoll?
- Fil-festa tal-lum irridu wkoll inħarsu madwarna u naraw il-figuri ta’ tant nies li għexu ħajjithom fid-dawl tar-rieda ta’ Alla. Dawn għandna nżommuhom f’talbna u f’qalbna.
Id-Djalogu
Mulej,
inti d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
kun dejjem ir-raġġ, faraġ u kenn tiegħi.