Strumenti t’Alla – Prayer Café: 22 ta’ Mejju 2015
Fil-laqgħa ta’ Prayer Café, tat-22 ta’ Mejju 2015, wara li ħadna kikkra kafe flimkien, trattajna l-qari tal-quddiesa ta’ nhar il-Ħadd 25 ta’ Mejju; it-tmien Ħadd tal-Għid jew Għid il-Ħamsin. It-tema ewlenija kif mistenni f’Pentecoste, kienet fuq l-Ispirtu s-Santu.
Fil-ħajja spiss nħossuna sfiduċjati , iżolati u b’qalbna maqtugħa minn dawk ta’ madwarna. Ngħaddu minn mumenti ta’ dlam u qtiegħ il-qalb. Pero il-Mulej daħal fil-ħajja tagħna bħala bniedem –Ġesu- u għaraf l-umanita fraġli tagħna. Bħala ġrajja llum se nħarsu lejn il-ġrajja li seħħet wara t-tlugħ ta’ Ġesu fis-sema, meta kif kien wegħedna Hu bagħat l-Ispirtu s-Santu, d-Difensur tagħna fuq id-dixxipli u Marija li kienu msakkrin f’kamra isolati weħidhom. Xogħol l-Ispirtu S-Santu huwa li jsaħħaħna u jagħtina skop fl-egħmil tagħna.
Hawn inqara l-evanġelju ta’ nhar il-Ħadd li ġej mehud minn Ġw 15, 26-27; 16, 12-15 u wara kullħadd ġie mistieden jgħid il-kelma jew frazi li laqtithom mill-vanġelu.
Din is-silta tinsab f’nofs minn dak li hu magħruf bħala d-diskors tat-tluq ta’ Ġesu li nsibuh fl-evanġelju ta’ San Ġwann minn Kap 13 sa Kap 17. Nħeġġukom taqrawhom dawn il-ġrajjiet.
Fil-vanġelu tal-llum Ġesu jitkellem fuq il-konsegwenzi inevitabbli tan-nisrani li jimxi wara Ġesu fil-fidi u l-imħabba. Waħda minnhom hi li min jimxi wara Ġesu se jiġi ppersegwitat. “id-dinja għad tobgħodkom” Infatti nafu minn esperjenzi tagħna stess li meta tiprova timxi tajjeb jibdew jinqalgħu ħafna affarijiet…iżda Ġesu tana wkoll il-garanzija tad-Difensur li jtina l-konsolazzjoni u l-faraġ li jkollna bżonn fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna, l-Ispirtu s-Santu.
L-Ispirtu s-Santu huwa it-tielet persuna tat-Trinita Mqaddsa – forsi ma nagħtuhx l-importanza li jistħoqqlu – huwa l-mutur li jaħdem bejn Alla u Ġesu biex iwasslilna l-messaġġ t’Alla – huwa HU li jnebbaħna, jiftħilna għajnejna bħalma għamel lid-dixxipli ta’ Emmaws. Nebbaħhom li dik il-persuna quddiemhom kienet Ġesu – fetħilhom għajnejhom waqt l-qsim tal-ħobż. Dan il-miraklu jseħħ quddiemna kuljum waqt kull quddiesa, qabel il-konsagrazzjoni l-qassis ibierek il-ħobż u l-inbid u jitlob il-miġja tal-Ispirtu s-Santu.
L-Ispirtu s-Santu jnebbħek il-messaġġ int u taqra l-Bibbja. Hemm ħafna mumenti f’ħajjitna li jiġi l-Ispirtu s-Santu ġewwa fina. L-ewwel darba li ġie fuqna kien fil-magħmudija, li tibdilna, u tħalli l-marka tagħha fina, mbagħad jerġa jiġi fuqna waqt il-Griżma tal-Isqof b’qawwa akbar, fejn nirċievu d-doni tal-Ispirtu s-Santu.
Hawn inqrat is-silta mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli : Atti 2:1-11
Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu Pietru, magħruf bħala sajjied, il-ġurnata ta’ wara din il-ġrajja kien ikkonverta 3,OOO ruħ bid-diskors tiegħu!
Din il-ġrajja seħħet fil-Festa tal-Ġimgħat u tal-Ħsad. Kienet festa li fiha jiġi offrut ‘l Alla l-frott tal-ħsad. Ġiet tissejjaħ tal-ġimgħat għaliex kienu jingħaddu 7 ġimgħat mill-Għid, 50 jum wara (Lev 23:15. Dewt 16:9). Għalkemm għall-bidu kienet festa agrikola biż-żmien saret ukoll spiritwali u solenni. F’dan iż-żmien il-poplu kien jagħmel penitenza u ma setgħux jiġu ċċelebrati żwiġijiet solenni.
Kienet waħda mit-tliet festi ta’ pellegrinaġġ (Għid-festa tal-ażżmi; Festa tal-ġimgħat u Festa tal-Għerejjex). Fiha kienu jiġu ħafna nies Ġerusalemm għalhekk kien ikun żmien ta’ ħafna nies miġbura flimkien.
Kellhom l-obbligu li jġibu magħhom żewġ ħobżiet moħmija bil-ħmira bħala radd il-ħajr ‘l Alla għall-għixien li jagħti lill-poplu. Dan il-ħobż ma kienx jinħema imma kien jiġi mogħti lis-saċerdoti.
Għall-Knisja tagħna din il-festa hija meqjusa mportanti ħafna għaliex hija t-tifkira tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu u x-xandir tal-bxara t-tajba (KERYGMA) lill-ġnus kollha li kienu telgħu Ġerusalemm proprju għal din il-festa solenni (Atti 2,1-11).T irreferi għat-twettieq tal-wegħda ta’ Ġesù u hija simbolu tal-għaqda u l-universalità tal-Knisja. Silta għal qalb l-membri tal-Moviment Kerygma għax minn din is-silta ittieħed l-isem u l-iskop tal-Moviment tagħna. : )
Fil-jum ta’ Pentekoste, San Pietru, bniedem li kien magħruf bħala sajjied, ppriedka lil-Lhud f’Ġerusalemm u f’dak il-jum, jekk noqogħdu għal dak li naqraw fl-Atti tal-Appostli, mhux inqas minn 3,000 ruħ ħadu l-magħmudija!
Minn hawn tibda l-ħidma missjunarja tal-Knisja. “Intom tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa truf l-art.” (Atti 1,8)
Biex nidħlu aktar fl-atmosfera tal-ambjent ta’ din il-ġrajja, ntwera l-video:
- Video 1: L-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli:
Ftit wara dan l-episodju fil-bibbja nsibu d-diskors ta’ San Pietru fejn kien qal; “ le dawn mhumiex fis-sakra kif qed taħsbu intom, għadhom id-disgħa ta’ filgħodu”. Dan l-atteġġament niltaqgħu miegħu anke llum meta nibdew nitkellmu fuq Ġesu jew nuru li nimxu warajh bilkemm ma jkunux iridu jgħidu li tlaqna jew jiprovaw iwaqqgħuna għaċ-ċajt. Pero meta nkunu qed ngħaddu messaġġ ta’ ĠESU rridu nibqgħu għaddejjin u ma naqtgħux qalbna u hawn jidħol l-Ispirtu s-Santu – Hu jagħtina dik il-qawwa biex nkomplu nxandru anke f’mumenti li nkunu qed naqtgħu qalbna.
Wara ħarisna mill-qrib lejn it-talba tal-Moviment tagħna: it-Talba tal-Moviment Kerygma/Talba lill-Ispirtu s-Santu.
1) Spirtu s-Santu nitolbuk tinżel fina,
2) biex turina xi trid minna,
3) sabiex b’għemilna u ħidmietna nwasslu l-bxara t-tajba fl-ambjent ta’ madwarna.
4) Dawwlilna moħħna biex nagħrfu nimpenjaw ruħna bħala nsara fis-soċjetà.
5) Bierek il-ħidma tagħna, ibqa’ magħna, sabiex aħna nkunu strumenti tal-bxara t-tajba.
Mistoqsijiet:
Min hu l-Ispirtu s-Santu għalina?
X’naħsbu li huwa xogħlu u l-effetti tiegħu?
L-Ispirtu s-Santu jagħmilna ġisem wieħed, grupp wieħed, Knisja waħda. Kemm nagħrfu din il-qawwa ta’ grupp, ta’ Moviment li tinsab fina?
Xi tfisser il-kelma Kerygma u fejn seħħet fil-ġrajja tal-lum?
Xi tfisser li tkun xhud ta’ xi ħadd? Għal min qegħdin inkunu xhieda aħna u x’inhu l-Messaġġ li qegħdin inwasslu?
X’inhuma d-doni tal-Ispirtu s-Santu?
Xhieda
Vers 27 jgħid: “U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.”
Għaliex insibuha daqshekk diffiċli biex nixhdu l-fidi tagħna quddiem l-oħrajn? Nista’ nibqa’ sieket u ma nxandarx?
Li tagħti xhieda jitlob minna li nkunu konvinti minn dak li qed nagħmlu u nagħtu l-provi tat-twemmin tagħna. Irridu nkunu konvinti.
Waħda mill-membri qalet li hi jolqotha l-vers “b’egħmilna u ħidmitna” ix-xhieda tagħna tkun aktar qawwija meta nagħmlu dak li nemmnu milli niprietkaw biss b’ħafna kliem.
Oħra semmiet li għandna nsejħu lill-Ispirtu jqawwina kontinwament għax aħna bħala bnedmin, aħna dgħajfa ,u għalhekk hemm bżonn li nerġgħu nitqawwew wara xi waqgħa biex nerġgħu nqumu.
Aħna strumenti tal-bxara t-tajba u hekk hu aħna strumenti t’Alla – strument waħdu ma jdoqqx, aħna rridu nkunu l-istrumenti t’Alla biex inwasslu l-messaġġ tiegħu.
Wara nqara passaġġ mill-Atti tal-Appostli Kap 3.
Jista’ jkun li l-egoiżmu tagħna ma jħalliniex naċċettaw il-fatt li għandna bżonn l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jiggwidana? San Pietru meta fejjaq lill-magħtub tat-tempju (Atti 3, 1-10) qal lill-magħtub: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!”
Mela ifejjaq huwa Alla biss. L-Ispirtu s-Santu jgħallem u jħarreġ lid-dixxiplu biex f’ismu jagħmel il-mirakli.
Video 2:
San Pietru jfejjaq il-magħtub bil-qawwa ta’ Ġesù ta’ Nazaret
Video li juri kif ntqal fil-bidu tal-laqgħa meta twassal l-messaġġ ta’ Ġesu stenna l-persekuzzjoni infatti l-video jispiċċa bid-dixxipli jintefgħu l-ħabs. Iżda kif stqarr Pietru fil-video “We have a duty to speak..” hekk ukoll aħna – ma nistgħux nieqfu nxandru.
Din il-persekuzzjoni hi attwali fid-dinja tal-llum, fil-ħarġa ta’ Xandar il-Kelma nsibu li fis-sena 2013 ġew maqtula 135,000 nsara minħabba l-fidi tagħhom. Bħalissa hemm 150 miljun nsara mhedda madwar id-dinja kollha.
Il-laqgħa ngħalqet bil-qari tas-Sekwenza u bit-talba tal-Missierna.