Il-25 Ħadd matul is-sena – Sena Ċ – 18 ta’ Settembru 2015

Il-25 Ħadd matul is-sena – Sena Ċ – 18 ta’ Settembru 2015

September 9, 2016
0

Il-25 Ħadd Matul is-Sena

AMMINISTRAZZJONI TAJBA MAL-FQIR U L-BATUT

Għamos 8: 4-7;  Salm 112; 1 Tim 2:1-8; Luqa 16: 1-13

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa (16: 1-13)

   Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.   Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont ta’ l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’  L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi.  Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’   U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed.  ‘Mitt barmil żejt,’ wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek,’ qallu l-amministratur, ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’  Lil ieħor staqsieh, ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ,’ wieġbu. Qallu, ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’  U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.  U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.   Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.   Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?   U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom?  Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”

.

Il-Ħsieb

Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien
     Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien… Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.  Ġesù ma jdurx mal-lewża.  Permezz tal-parabbola ta’ l-amministratur, Ġesù jrid ikompli jurina li biex inkunu dixxipli tiegħu hemm bżonn li nevitaw il-kompromessi perikolużi.  Illum kulħadd jersaq biex jgħid u jagħmel kollox għall-flus.  Familji mkissra, ħajjiet jintilfu, dan kollu għax inpoġġu l-valur tal-flus qabel il-valur assolut li huwa Alla.  U propju hawn hija l-għażla tal-ħajja tagħna.  Il-Mulej iridna nkunu amministraturi tajba u onesti ta’ dak li tana. U x’tana l-Mulej?  Tana kollox: tana d-doni, tana dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina.  Ħafna drabi aħna ma nagħtux każ, anzi aħna stess nagħmlu kompromessi ma’ affarijiet li jbegħduna mill-Mulej.

Illum il-messaġġ li jrid jgħaddilna l-Mulej huwa biex nagħmlu għażla ċara u soda fil-ħajja tagħna.  Ma nistgħux naqdu żewġ sidien.  L-għażla hija f’idejna.  Ta’ min għalhekk jifli b’reqqa l-messaġġ tal-kelma li l-Mulej irid jgħaddilna llum.

.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Profeta Għamos, insibu lil dan il-profeta bil-kitbiet tiegħu dwar il-ġustizzja so`jali.  Huwa tela’ fit-tempju ta’ Bethel u `anfar lil dawk li kienu jkasbru lill-fqir.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, meħud minn Salm 112, għandna innu lill-Mulej li jgħin u jerfa’ l-fqir.

Hu jerfa’ mit-trab l-imsejken

u jerfa’ l-fqir mill-miżbla,

biex mal-kbarat iqiegħdu

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, għandna t-twissija ta’ San Pawl li ĦADD ma għandu jitħalla barra mit-talb fil-pubbliku għax Alla jrid li kulħadd isalva.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jgħallimna kif għandna nużaw tajjeb il-ġid tad-dinja.

.

Il-Ħajja
  1.  Ġesù jurina li l-ġid li jkollna rridu nużawh tajjeb.  Hemm bżonn li ngħinu lil min huwa fil-bżonn u nħarsu ’l fuq għax il-valur assolut fil-ħajja tagħna jibqa’ Alla.
  2.  Irrifletti ftit.  Kemm għandek kompromessi ħajjin fil-ħajja tiegħek?
  3.  Liema huwa l-veru Alla ta’ ħajtek?  Alla l-Missier jew il-flus li saru alla falz għalik?
  4.  Kif qed tuża l-ġid tiegħek?  Bi prospettivi li tistagħna aktar?  U wara din il-ħajja x’se tieħu miegħek fis-sema?
  5.  Kemm qed ngħinu minn dak li għandna lil-fqir u l-batut?

.

Id-Djalogu

Mulej,

inti tagħtini ħafna,

u jiena ftit li xejn nagħtik lura.

Għinni nħares madwari

u narak fil-fqir

u ngħinek Mulej.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.