L-24 Ħadd matul is-sena – Sena Ċ – 11 ta’ Settembru 2016

L-24 Ħadd matul is-sena – Sena Ċ – 11 ta’ Settembru 2016

September 8, 2016
0

L-24 Ħadd Matul is-Sena

JERFAGĦNA  MILL-MEDJOKRITÁ

Eżodu 32:7-11; 13-14; Salm 50; 1 Timotju 1, 12-17; Luqa 15: 1-32

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa (15: 1-32)

F’dak iz-zmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: «Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom.»

Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: «Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħga u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: “Ifirħu miegħi, ghax sibt in-nagħga li kienet intilfitli.” Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ ghal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, ghax sibt id-drakma li kienet intilfitli.” Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla ghal midneb wieħed li jindem.»

Qalilhom ukoll: «Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” U dak qassmilhom il-ġid. Ma kienux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bzonn.

U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħniezer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħniezer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobz bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mill-lavranti tiegħek.” Qam, u telaq għal għand missieru.

Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.” Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: “Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.” Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni ġidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!” Wieġbu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieg li nagħmlu festa u nifirħu, ghax dan ħuk kien mejjet u raga’ qam, kien mitluf u nstab.”»

Il-Kelma tal-Mulej
R. Tifħir lilek Kristu

Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieg li nagħmlu festa u nifirħu, ghax dan ħuk kien mejjet u raga’ qam, kien mitluf u nstab.

Il-Ħsieb

In-nagħġa l-mitlufa, id-drakma l-mitlufa, l-iben il-ħali.  Huma stejjer li smajniehom ħafna drabi.  Li tgħallimna bl-amment.  Huma stejjer ta’ telfiet u sejbiet.  Stejjer ta’ falliment u ta’ kisbiet.  Huma l-istejjer tal-ħajja tagħna.  Iżda kemm tassew aħna nagħrfu li l-Mulej iridna miegħu?  Aħna tiegħu u ma jrid lil ħadd, ħadd, jintilef.  Iva, il-Mulej lest li jirriskja kollox għalija u għalik biex ma nintilfux.

Aħna ħafna drabi ma nagħmlux l-istess.  Lesti li kontinwament naħsbu ħażin fuq dak u fuq l-oħra; lesti li nagħtu ġudizzju ħażin, lesti li nxerrdu l-falsità basta nibqgħu minn fuq, lesti għal kull kompromess.  Ma jimpurtani minn xejn u minn ħadd.  Kif għandna l-wi“ inħarsu lejn Kristu msallab u ngħidu li aħna nsara u nibqgħu inżommu din l-attitudni?

Il-Vanġelu tal-lum ma jridx jgħallimna…. iridna ninbidlu.  Iridna nifhmu li Ġesù jrid jgħollina u jerfagħna mill-medjokrità ta’ għażliet foloz u ħżiena fil-ħajja tagħna.  Bil-libertà kollha nistgħu nagħżlu l-kuntrarju ta’ dak li ġabilna Ġesù, iżda meta nagħmlu hekk inkunu qed inġibu l-kundanna b’idejna stess.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu.  Il-poplu jibdel lil Alla ma’ xbihat ta’ allat qarrieqa.  Il-poplu jinsa dak li wettaq miegħu l-Mulej.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 50, għandna l-qawma mill-miżerja.  Hija talba ta’ ħniena lil Alla:  “ Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek.  Fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.”  It-Tieni Qari, meħud mill-Ewwel Ittra lil Timotju, San Pawl jirrakkonta l-bidla mill-qiegħ li saret fih malli ltaqa’ ma’ Kristu.  Il-konverżjoni u s-sejħa ta’ Pawlu juru l-ħniena u l-imħabba ta’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tal-parabboli tan-nagħġa l-mitlufa, tad-drakma l-mitlufa u ta’ l-iben l-ħali.

Il-Ħajja

1.  Il-Mulej imur kontra l-kurrent.  Ma jaħsibhiex bħalna.  Jekk tintilef imqar nagħġa waħda jmur ifittixha, imqar jekk jirriskja lid-disgħa u disgħin l-oħra.  Lest li jiġi jfittixna kull meta nintilfu.

2.  Hemm bżonn li nkunu `ari li fil-ħajja tagħna nimxu wara Alla veru u mhux wara allat foloz.

3.  Il-Mulej iħenn għalina kuljum.  Hemm bżonn li nagħrfu l-ħniena u s-sabar tiegħu.

4.  Il-konverżjoni u s-sejħa ta’ San Pawl juru l-mod meraviljuż li bih il-Mulej jidħol fil-ħajja tagħna, anki meta mmorru kontrieh.

5.  Il-Mulej irid jerfagħna mill-medjokrità ta’ dnubietna.  Lesti nħalluh?

Id-Djalogu

Oħloq fija, o Alla, qalb safja,

ġedded ġewwa fija ruħ sewwa,

la twarrabnix minn quddiemek

u tneħħix minni l-Ispirtu qaddis tiegħek.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.