GĦEMMAWS: IL-MIXJA SAL-ĠIRJA – It-3 Ħadd tal-Għid, sena A –26 t’April 2020

GĦEMMAWS: IL-MIXJA SAL-ĠIRJA – It-3 Ħadd tal-Għid, sena A –26 t’April 2020

April 21, 2020
0

It-3 Ħadd ta’ l-Għid

GĦEMMAWS:  IL-MIXJA SAL-ĠIRJA

Atti 2, 14:22-28;  Salm 15; Pietru 1,17-21; Luqa 24:13-35

 Il-Vanġelu

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm,  jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara.  Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.  Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek  il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn  il-ġrajja!  Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 Il-Ħsieb

Il-Mulej qam tassew
Ġesù jimxi magħna, jgħix magħna, jispjega lilna l-istess skrittura u nibqgħu ma nqumux min-nagħas, nibqgħu b’għajnejna magħluqa, nibqgħu mexjin fit-triq u ntennu li Alla nsiena.  Il-mixja ta’ Għemmaws taż-żewġ dixxipli hija meditazzjoni għalija u għalik dwar il-mod ta’ ħajja li qegħdin ngħixu bħala Nsara.  Xi kultant huwa l-isem biss ta’ nsara li jibqgħalna meta m’aħniex nies li naqraw l-iskrittura, meta aħna nies li għalkemm nitilgħu nitqarbnu nibqgħu l-istess.  Il-Mulej irid jibdilna għaliex ilkoll kemm aħna rridu nifhmu li x-xogħol tagħna huwa li nwasslu AĦBAR TAJBA wara li nkunu fhimna, aċċettajna u għexna din l-aħbar.

Il-Liturġija tal-lum hija ċara:  mingħajr l-Iskrittura u l-Ewkaristija qatt ma nistgħu niftħu għajnejna beraħ għall-messaġġ personali li Kristu għandu għal kull wieħed u waħda minna.

 Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli li jkompli jirrakkonta l-effett immedjat tal-qawmien ta’ Kristu fuq l-Appostli.  Kienet injezzjoni ta’ kuraġġ iżda li skoprewha bil-mod il-mod.  F’din is-silta tal-lum insibu d-diskorsi ta’ Pietru flimkien ma’ l-Appostli li fih hemm l-essenza tal-messaġġ nisrani – inħabbru l-mewt, inxandru l-qawmien tal-Mulej u nistennew il-miġja tiegħu fil-glorja.  Fis-Salm Responsorjali għandna għajta ta’ ferħ lill-Mulej – il-kenn tagħna – għaliex bil-qawmien tiegħu sibna lkoll ħajja ġdida.  Fit-Tieni Qari tal-lum insibu l-Ewwel Ittra ta’ San Pietru li jtenni li dak li jiswa jinkiseb bi prezz għoli, kif kien il-prezz li ħallas Kristu għall-ħelsien tagħna.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws.  Huwa rakkont li lilna jiftħilna għajnejna għaliex kull wieħed minn jagħmel l-istess mixja ħafna drabi mingħajr ma nindunaw li magħna hemm Ġesù.  Ta’ min jinnota li meta għarfu li kien il-Mulej, spiċċa l-biża’ minn fuqhom, u minkejja li kien il-lejl u d-dlam telqu wara Ġesù.

 Il-Ħajja

1.  Kemm tassew qed nagħmlu mixja ta’ tagħlim ma’ Ġesù permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna?

2.  Kemm għandna għatx tassew biex lil Ġesù nħalluh jimxi magħna u nixorbu mill-għejjun li joffrilna permezz ta’ l-Iskrittura u l-Ewkaristija?

3.  Kemm tassew qed jinfetħu għajnejna meta nirċievu l-Ewkaristija?

4.  Id-dixxipli ta’ Għemmaws spiċċa minnhom il-biża’ hekk kif għarfu lil Ġesù.  Għaliex ħafna drabi aħna nibqgħu beżgħana?

 

 Id-Djalogu

Mulej, nitolbuk tgħinni

nagħarfek kull ħin.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published.