Stedina! – Prayer Café: 10 t’Ottubru 2014
Fr. Charles beda l-laqgħa ta’ Prayer Café l-bieraħ billi saħaq kemm hu importanti li aħna nħallu lil Mulej jismagħna bis-serjetà u kemm huwa importanti li aħna nħallu spazju li fih nisimgħu l-Mulej. Din mhijiex xi ħaġa faċli fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Il-Mulej, kif jgħidilna l-profeta Elija jista’ jkellimna kemm f’żiffa ħelwa u kif ukoll f’riefnu qawwi. Il-mod kif se nikkomunikaw miegħu rridu nsibuh aħna – kulħadd bil-mod tiegħu.
Wara li nqara l-Vanġelu ta’ nhar il-Ħadd mill-Evanġelju skont San Mattew 22:1-4, Fr. Charles spjega li din il-parabola tal-festa tat-tieġ hija s-sejħa li l-Mulej qiegħed jagħmel lil kull wieħed u waħda minna kuljum, stedina mhux biss biex nipparteċipaw fl-Ewkaristija ta’ kuljum iżda lkoll rridu naslu li nifhmu tassew il-Mulej xi jrid minna. Irridu nitgħallmu lkoll nintelqu f’idejH. Ma rridux nħallu li r-rabja, l-għejja u affarijiet oħra li niltaqgħu magħhom kuljum iħarbtuna milli nindunaw li l-Mulej qiegħed ikellimna, kultant anke b’xi disgrazzja li ngħaddu minna.
Kultant, kompla Fr. Charles, affarijiet li drajnihom jew aħjar għax is-suq bellagħhomna, isiru l-Vanġelu u l-Vanġelu ma jibqax Vanġelu. Li jgħidilna Ġesù nġebbduh minn hawn u minn hemm biex naċċettaw biss dak li jogħġobna imma mbagħad nibilgħu kull lixka li joffrielna l-kummerċ u l-media. Eżempju ta’ dan hija l-festa tal-Halloween – festa pagana li s-suq seraq l-imħuħ u r-raġunament biha. Hija festa li bħala nsara m’għandniex niċċelebrawha.
Biex nħossuna intimi mal-Mulej irridu nħallu ħin għaliH. Hawn Fr. Charles semma rakkont ta’ kif wieħed ma baqax imur quddies. Dan darba l-Ħadd qam bla aptit li jmur u ma marx, il-Ħadd ta’ wara l-istess u minn hemm baqa’ dejjem jitraskura aktar, sakemm wasal li ma baqax iħoss intimita mal-Mulej u minn hemm sar qisu xejn m’hu xejn. Irridu nagħmlu ħin għal Mulej.. u għalhekk dawn il-laqgħat huma importanti – importanti li flimkien inħossuna dixxipli ta’ Ġesù. Madre Tereza kienet tgħid tipprovax tkun Madre Tereza, kun dixxiplu tal-Mulej int fejn int – DIK hi l-għalqa tad-dixxipulat tiegħek. Irridu nwasslu l-Kelma ta’ Ġesù lill-familja tagħna, lil dawk li niltaqgħu magħhom kuljum. Biex nitqawwew irridu ninżabru ta’ spiss billi nużaw is-sagrament tal-qrar. Bħala poplu Malti ħadd ma jgħaddina fil-karità li nagħtu. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, waqt quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa għall-missjunarji Maltin u l-ġenituri tagħhom kien qal li aħna l-Maltin poplu żgħir b’qalb kbira.
[pullquoteright] “Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-vanġelu.” Papa Franġisku[/pullquoteright]Frażi li tgħoġob lil Fr. Charles hi: Aħna lkoll sptar tal-midinbin. Kulħadd irid jirranġa xi ħaġa. Anke fil-knisja tagħna, fil-komunitajiet tat-talb, irridu nirranġaw l-attitudni tagħna. Irridu nnaqsu t-tqasqis, kif iwissi ta’ spiss il-Papa Franġisku. Irridu nitgħallmu nkunu ta’ appoġġ fil-Knisja tagħna ma xulxin. Ommijiet jappoġġjaw ommijiet oħra, lajċi jappoġġjaw saċerdoti, studenti lil studenti, studenti lill-għalliema..nkunu ta’ solidarjeta lejn xulxin. Bħala nsara għandna rwol importanti li ngħinu lil xulxin. Irridu nitgħallmu ngħinu lil kulħadd mhux nagħżlu lil min narawh simpatiku jew lil min nafu li għada se jgħin lilna. Dan il-Vanġelu, fakkarna Fr. Charles, huwa stedina GĦALINA LKOLL LLUM int min int – int fejn int.
Importanti li nkunu dixxipli għax irridu – immorru l-quddies biex nipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Ma rridux inkunu bħall-mistieden li għalkemm mar għal festa tat-tieġ, ma libisx il-libsa tat-tieġ! Dan jista’ jiġri lilna wkoll meta mmorru l-quddies bla ħeġġa – biex inneħħu l-obbligu. Ir-reliġjon trid tkun xi ħaġa minn ġewwa. Noqogħdu attenti għax “ĦAFNA HUMA L-IMSEJĦIN, IMMA FTIT IL-MAGĦŻULIN” !!
Wara nfetħet id-diskussjoni fejn ġew diskussi l-mistoqsijiet –
Kemm il-stedina rrifjutajna minn Ġesu?
F’ħajjitna nsibuha ta’ dwejjaq li rridu naraw x’irid minna Ġesù KONTINWAMENT?
Il-laqgħa tkompliet b’riflessjoni mil-ktieb “Il-Ferħ tal-Vanġelu“ tal-Papa Frangisku.
“Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-vanġelu. “
Il-laqgħa ngħalqet bit-talba tal-Missierna.
NĦEĠĠEĠ LILEK LI QIEGĦED TAQRA DAN IL-BLOG TINGĦAQAD MAGĦNA NHAR IL-ĠIMGĦA FIS 7 TA’ FILGĦAXIJA ĦALLI TAQSAM DIN L-ESPERJENZA TA’ FERĦ MAGĦNA. Narawk : )