IR-RIFORMA FIL-KNISJA – taħdita mis-sur Albert Storace
St. Peter and St. Paul (El Greco, 1590-1600)
Kien hemm ħafna raġunijiet għaliex seħħet ir-Riforma. Din ġiebet firda kbira bejn l-insara, imma ma kinitx xi ħaġa ġdida, għax sa mill-bidu tal-Knisja kien hemm ħafna kwistjonijiet, per eżempju, bejn San Pietru u San Pawl rigward il-magħmudija lill-Lhud u l-pagani. Kien hemm kwistjonijiet dwar in-natura umana u divina ta’ Kristu; l-ereżija tal-Arjani, li wasslet għal kunċilju u kredu ieħor – il-kredu tal-quddiesa; nuqqas ta’ qbil bejn il-knejjes tal-Lvant u l-knejjes tal-Punent.
Kien hemm ħafna raġunijiet ġusti għaliex din seħħet, minħabba ċerti difetti fil-Knisja.
Kien hemm ħafna li qalu li din ma kinitx riforma imma rivoluzzjoni. Kien hemm ħafna raġunijiet ġusti għaliex din seħħet, minħabba ċerti difetti fil-Knisja. Il-Knisja hi magħmula minn bnedmin, u l-perfezzjoni mhux fl-imġieba tal-bnedmin, imma fit-twemmin, li jibqa’ dejjem l-istess – dak li hu ħażin jibqa’ dejjem ħażin. Kien hemm abbużi minħabba politika, ambizzjoni, rebgħa għal poter u l-flus. Per eżempju, kienet daħlet drawwa qalb in-nobbli li t-titlu jmur għand it-tifel il-kbir biss, u t-tieni wieħed kienu jsibulu pożizzjoni mportanti fil-Knisja, għandu jew m’għandux vokazzjoni. Din saret biex ikollhom iktar kontroll fuq l-artijiet tagħhom u anke tal-Knisja. Din id-drawwa baqgħet isseħħ fi Franza sar-Rivoluzzjoni Franċiża. Ir-rebgħa wasslet ukoll biex diversi isqfijiet kien ikollhom ħafna djocesijiet. Kienu jdaħħlu r-renti, imma joqgħodu fi djoċesi waħda biss, jekk joqgħodu.
Kien hemm ħafna tgergir kontra dawn l-abbużi. Il-frosta bdiet iċċaqċaq 500 mitt sena ilu, imma kien hemm movimenti fil-Ġermanja qabel Luteru, li twieled fl-1483 u beda r-riforma fl-1517, meta kellu 34 sena. F’dik li llum nafuha bħala r-repubblika Ċeka, fl-1415, kien hemm predikatur Jan Hus li pprova jagħmel ċerti riformi – kien hemm waqtiet fejn esaġera’, imma kien hemm ukoll waqtiet fejn kellu raġun. Dan spiċċa maħruq bħala eretiku. Kien żmien li ma kontx taf fejn tispiċċa l-awtorita’ tal-Imperu u fejn tibda dik tal-Knisja. Per eżempju, biex jilħaq isqof, kienu jridu jintbagħtu tlett nominazzjonijiet lir-re biex jagħżel hu wieħed minnhom. Din baqgħet issir hawn Malta sa żmien l-Ingliżi. Kien hemm ukoll l-Ingliż John Wycliffe, li ried li l-quddiesa issir bil-lingwa tal-post, u mhux bil-Latin.
Imbagħad, fl-1517, Luteru waħħal lista ta’ 95 teżi mal-bieb tal-knisja tal-universita’ ta’ Wittenberg. Qamet agħa sħiħa. Kien hemm min qal li dan veru ried jaqla’ l-inkwiet. Fost ir-riformi li ried kienet li l-qassisin għandhom jingħataw permess jiżżewġu. Waħda mill-affarijiet li dejjqet lil Luteru kienet li, fi żmien il-Papa Ljun X, li kien waqqa’ l-Bażilika ta’ San Pietru biex jibni waħda ġdida, bdew jinbiegħu l-indulġenzi biex idaħħlu l-flus għal bini. Luteru qal li biżżejjed ikollok il-fidi biex tieħu ndulġenza. F’din il-kwistjoni u dik li isqof ikollu tlett djoċesijiet, kellu raġun. Imma ftit ftit it-tagħlim tiegħu beda jitbiegħed mill-Knisja. Qal li biex issalva il-Bibbja biżżejjed. U jekk ikun hemm min jinterpreta ħażin? Per eżempju, riedu jxejnu l-fatt li Kristu Hu l-wild waħdieni ta’ Marija, għax qalu li kellu ħutu. Fil-fatt, bl-Aramajk, il-kelma “ħutu” tfisser ukoll kuġini.
Issa l-Papa ħaseb li din ta’ Luteru kien nar tat-tiben li jintefa’ malajr. Imma diġa’ kien hemm ħafna prinċpijiet li bdew jappoġġjaw lil Luteru, mhux għax kellhom interess fir-riforma, imma għax kellhom għajnejhom fuq l-artijiet tal-Knisja. Għalhekk, meta l-Papa bagħat il-Warda tad-Deheb, li kienet simbolu ta’ rispett, lill-Elettur tas-Sassonja, li kien jipproteġi lil Luteru, dan ra opportunita’ għalih. Bagħat għal Luteru biex imur fil-belt ta’ Worms. Imma dan, li kien jaf kif spiċċa Jan Hus, ħa skorta miegħu.
Issa min fejn ġiet il-kelma Protestanti? Kien hemm ħafna gruppi li bdew jiġġieldu bejniethom. Fl-Iżvizzera tfaċċa Zwingli, u fi Franza nsibu lil Kalvinu. Kollha kellhom idejat differenti, imma kollha riedu riforma, kollha kellhom antipatija u mibgħeda lejn il-Papa u l-Kattoliċi. Fost waħda mill-ereżijiet li qal Kalvinu kien hemm dik li s-sagramenti tal-magħmudija u l-Ewkaristija biss huma biżżejjed. Din ipprovokat lir-Re Enriku VIII tal-Ingilterra biex jikteb “Id-Difiża tas-Sebgħa Sagramenti” fl-1520. Għal dan il-Papa tah it-titlu ta’ Difensur tal-Fidi. Imbagħad, għax il-Papa Klement VII ma riedx jagħtih l-annulament, Enriku VIII ġibed l-Ingilterra kollha mill-fidi Kattolika. Fil-belt ta’ Speyer, fil-Ġermanja tal-Punent, kienet saret laqgħa minħabba li ħafna pprotestaw knotra l-restrizzjonijiet li għamlilhom l-Imperatur, għalhekk bdew jissejjħu “Protestanti”. Dawn ukoll bdew jiġġieldu bejniethom. Tant kien hemm taħwid li spiccat biex, jekk Prinċep ikun Protestant, il-poplu wkoll irid ikun Protestant, u jekk ikun Kattoliku, il-poplu wkoll irid ikun Kattoliku.
F’dan it-taħwid kollu, il-Knisja ħasset il-bżonn li tlaqqa’ Konċilju. Adrijanu VI diġa’ kellu f’moħħu dan, imma miet qabel ma ra l-ħsieb tiegħu jseħħ. Kien il-Papa Pawlu 111 li beda l-Konċilju ta’ Trentu. Dan dam ikarkar ħafna. Kien hemm numru ta’ sessjonijiet u ħafna investigazzjonijiet. Il-Knisja ppruvat tirbaħ dak li kien mitluf. Dan il-moviment beda jissejjaħ il-Kontro Riforma. Twaqqfet ukoll ordni ġdida – dik tal-Ġiżwiti, minn San Injazju ta’ Loyola. Din ġiet approvata fl-1540. Dawn kienu jissejħu s-suldati tal-Knisja. Kellhom ukoll jieħdu ġurament iktar – dak ta’ ubbidjenza diretta lejn il-Papa.
Fost il-konklużżjonijiet tal-Konċilju kien hemm li ċ-ċelibat għandu jibqa’, li ebda isqof ma jista’ jkollu iktar minn benefiċċju wieħed. Saret riforma fit-tħejjija għas-seminaristi biex ikunu ppreparati tajjeb. Twaqqfu sptarijiet, u ospizji għall-vjaġġaturi. Bdew jieħdu iktar ħsieb tal-orfni, u bdiet tingħata edukazzjoni lil studenti subien li kienu brillanti imma mhux nobbli. Il-Quddiesa baggħet bil-Latin, imma beda’ jsir iktar tagħlim tal-lingwa. Peress li parti kbira mill-Ewropa kienet saret Protestanta, twaqqfu missjonijiet biex jirbħu lura dak li kien intilef. Dawk li kienu pprotestaw għax kineu ppersegwitati, issa bdew jippersegwitaw huma wkoll. Kien żmien diffiċli ħafna.
dak li sar il-bieraħ għandu effett fuq illum, u dak li jsir illum ikollu effett fuq għada
Illum hemm ħafna spirtu ta’ koperazzjoni bejn il-Knejjes. Kull ma qed jiġri llum ma tistgħax tieħdu f-iżolament, għax dak li sar il-bieraħ għandu effett fuq illum, u dak li jsir illum ikollu effett fuq għada. Kollox sekwenza. L-istorja tirrepeti ruħha. Irridu niftakru fin-negattiv mhux biex nirrepetuh, imma biex qatt aktar ma jerġa jseħħ.