L-Art li m’hijiex tagħna – Prayer Cafè – 23 ta` Settembru 2016
Il-Moviment Kerygma reġa beda bil-laqgħat ta’ nhar ta’ Ġimgħa, fis-7.00 P.M. fiċ-Ċentru tal-Kerygma. L-ewwel laqgħa ġiet immexxija minn Fr Ivan Attard OP. IL-laqgħa bdiet bit-talba tal-Moviment imbagħad inqraw l-ewwel lezzjoni (Għamos 6:1a,4-7) u l-Vanġelu (Lq 16:19-31) tas-XXVI Ħadd matul is-sena. Dawn li ġejjin huma xi punti li ssemmew waqt id-diskussjoni tal-laqgħa.
Fi żmien il-profeta Għamos il-poplu Lhudi kien maqsum f’żewġ saltniet: Is-saltna ta’ Ġuda (mit-tribu’ ta’ Ġuda) li kienet tinsab fin-Nofsnihar madwar ir-reġjun ta’ Ġerusalemm u s-saltna ta’ Iżrael li kienet tiġbor it-tribujiet l-oħra fit-Tramuntana tal-Palestina. Għalkemm il-profeta Għamos kien ġej mis-Saltna ta’ Ġuda ġie msejjaħ biex imur jippriedka fis-Saltna ta’ Iżrael.
Biex nifhmu il-loġika tal-profeti jeħtieġ li nifhmu l-esperjenza tal-Eżodu. Bħalma nafu il-Lhud kien ilhom taħt il-jasar ta’ l-Eġittu għal sekli sħaħ, minn mindu Ġakobb u wliedu marru l-Eġittu fi żmien il-ġuħ sa żmien Mose’. Il-poplu Lhudi beda joktor u jikber fin-numru u l-Eġizzjani bdew jibżgħu minnhom u għalhekk għaksuhom bix-xogħol. Alla ra t-tbatija tal-poplu tiegħu u sema’ l-karba tagħhom (Eż 3, 7) u bgħatilhom lil Mose’ biex jeħlishom mill-jasar tal-Eġittu.
Dan ir-rakkont jurina ġrajja ġdida fl-istorja tar-reliġjonijiet. L-allat dejjem kienu jiġu assoċċjati mas-slaten u mal-klassi politika. Ħafna drabi s-saċerdoti kienu wkoll slaten jew bil-maqlub: slaten li kienu wkoll saċerdoti. Barra minn hekk, jekk iż-żewġ funzjonijiet kienu mifrudin f’persuni differenti, xorta waħda kienu jikkolaboraw ħafna bejniethom. B’din il-ġrajja, għall-ewwel darba għandna Alla setgħan li jżomm mal-magħkus u mhux mal-kbarat. Mela Alla sema’ l-karba tal-poplu mjassar u magħkus, ħarġu mill-Eġittu, għaddieh mid-deżert fejn għamel Patt miegħu u tah art.
Il-Patt huwa Patt ta’ alleanza u jikkonsisti fi kliem sempliċi f’dan il-ftehim: ħares il-ġustizzja lejn Alla u l-proxxmu u Alla jħarsek mill-għedewwa u artek tibqa’ tiegħek. B’dan il-mod se tgħix ħieles minn kull jasar. Kif tikser il-Patt Alla jitilqek f’idejn l-għedewwa tiegħek u titlef artek u terġa’ ssib ruħek fil-jasar.
L-għotja tal-art hija fundamentali. L-art toffri l-għixien. Permezz tal-art setgħu iħarsu l-ħelsien sħiħ tagħhom, għax jekk wieħed ikun dipendenti fuq ħaddieħor għall-għixien tiegħu faċli jiġi sfruttat u mhedded għax inkella jibqa’ mingħajr l-għixien tiegħu u hekk jitlef il-liberta’ u d-dinjita’ tiegħu. Barra minn hekk, l-art hi ta’ Alla. Alla jibqa’ l-propjetarju. Għalhekk il-poplu Lhudi ma jistax jagħmel li jrid biha. Hija d-don ta’ Alla u jrid juża’ tajjeb għall-għixien tiegħu u ta’ ħaddieħor. Qatt ma jista’ jużaha għall-kapriċċi tiegħu jew biex japprofitta ruħu minn ħaddieħor jew biex jgħakkes lill-oħrajn.
Jekk wieħed jitlef sehmu minħabba amministrazzjoni ħażina, jew għal xi raġunijiet oħra m’huwiex se jitlifhom għal dejjem. Fil-fatt, kull seba’ snin (Dewt 15, 1-18; Lev 25, 1-7) )kienu jiċċelebraw is-sena sabbatika fejn fis-seba’ sena lil kulħadd kien jerġa’ jintraddlu sehmu u jinħafrulu d-djun. L-istess kien jiġri kull sebgħa snin sabbatiċi jiġifieri kull disgħa u erbgħin sena. Fil-ħamsin sena kien jiġi iċċelebrat il-Ġublew (Lev 25, 8-55) fejn wieħed kien irid irodd kollox u l-art terġa’ tmur għand min kienet.
Minn din l-esperjenza tal-poplu Lhudi l-Knisja fid-duttrina soċjali tagħha ifformulat dan il-prinċipju: id-destinazzjoni universali tal-ġid, jiġifieri li Alla ħalaq kollox għal kulħadd mhux għal xi wħud biss. Id-dritt għall-propjeta’ privata huwa għas-servizz ta’ dan il-prinċipju. Għalina l-Insara m’huwiex dritt assolut (bħalma jemmnu il-liberali). Għalhekk aħna għandna nużaw ġidna għalina u għall-ġid tal-oħrajn, jiġifieri mhux għalina biss u għall-kapriċċi tagħna.
Il-profeta Għamos fis-silta li qrajna qiegħed iwiddeb lil xi uħud li kienu qed jistgħanew minn fuq dahar ħaddieħor. Meta jiġri hekk, jiġiferi li xi wħud jistgħanew filwaqt li oħrajn jiftaqru, ifisser li kisru l-Patt. Il-Patt ma jiksurx wieħed waħdu, imma l-poplu, jiġifieri li wieħed jistgħana minn fuq dahar ħaddieħor isir xi ħaġa normali li kulħadd jista’ jagħmilha. Ladarba jinkiser il-Patt, jitilfu l-protezzjoni t’Alla jiġu maħkuma mill-barranin, jitilfu l-art li tahom Alla u jerġgħu isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ jasar kif ġara fl-esperjenza tal-eżilju. Mela meta jiġri dan m’huwiex tort tal-barrani jew tal-għadu, m’huwiex tort t’Alla (Alla baqa’ fidil għal kelmtu: żamm kelmtu u ma kisirx il-Patt, anzi żamm mal-Patt) imma biss tort tal-poplu li kiser il-Patt.
Fis-silta tal-Vanġelu, fil-parabbola tal-għani u Lazzru, nsibu li l-għani kien ta’ kuljum jorganizza ikliet ma’ sħabu u jgawdi l-għaraq ta’ ġbinu. Pero’ kien jibqa’ indifferenti lejn Lazzru, li kien fqir u mġewwaħ u li kien ta’ kuljum joqgħod wara l-bieb tal-għani bit-tama li jitrejjaq b’xi ħaġa milli jifdal mill-ikliet li kien jagħmel l-għani. Ħafna drabi, llum il-ġurnata, aħna wkoll nirraġunaw bħall-għani u ngħidu lilna nfusna: “Mhux jien ħdimt għalihom? Mela għandi dritt ingawdihom jien. Ma sraqt lil ħadd. Kont bil-għaqal, ħdimt u bżajt għall-ġidi. M’għandix dritt ingawdi l-għaraq ta’ ġbini? Jien xi ħtija għandi li dak fqir? Jien ma għamiltlu xejn.” Safrattant Ġesu qiegħed jikkritika lill-għani għax huwa indifferenti lejn Lazzru! Lazzru u l-għani mietu, Lazzru mar fi ħdan Abraham u l-għani f’art l-imwiet. L-għani talab ħniena minn Abraham, biex itaffilu n-nixfa, imma ma setagħx jgħinu, għax hemm baħħ bejnu u bejnhom. Talbu jibgħat lil Lazzru biex iwiddeb lil ħutu, imma lanqas dan ma seta’ jagħmel Abraham, imma qallu li għandhom ‘l Mose’ u ‘l-Profeti ħa jisimigħu lilhom. Jekk ma jisimgħux lilhom lanqas jekk iqum wieħed mill-imwiet ma jisimgħuh.
Mela skont il-loġika li nsibu f’Mose’ (l-esperjenza tal-Eżodu), fil-Profeti (fil-każ tagħna fil-profeta Għamos) kif ukoll fil-Vanġelu li fuqhom huwa mibni, aħna fid-dmir li ngħinu lil min hu fil-bżonn, biex ma jkunx aktar dipendenti la fuqna u la fuq ħadd. Għalhekk l-għajnuna tagħna lil min hu bil-ġuħ ma tistax tkun biss nagħtuh x’jiekol, għax wara li jiekol l-ikel li ntuh se jerġa’ jiġi għandna jew għand ħaddieħor jittallab il-ħniena. Ovvjament jekk wieħed bil-ġuħ l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hija li nagħtuh x’jiekol, imma ma nistgħux nieqfu hemm. Iridu naraw għaliex m’għandux x’jiekol; x’inhi l-kawża tal-faqar tiegħu: għażż, qagħad, nuqqas ta’ għaqal, problemi ta’ mard, sistema ekonomika inġusta? Aħna bħala Insara rridu wkoll inwieġbu għal dawn il-kawżi ta’ faqar materjali, biex ngħinu lil fqir jikseb id-dnijita’ tiegħu li jaqla’ l-għixien tiegħu bl-għaraq ta’ ġbinu u ma jkollux jittallab il-ħniena ta’ ħaddieħor biex jgħix. Biex nagħmlu dan ifisser li rridu niddedikaw ħin lil min hu fil-bżonn. Ħafna drabi inserħu rasna billi indaħħlu idejna fil-but u neħilsu minnu, imma b’daqshekk ma jfissirx li nkunu għinieh, għalkemm forsi nkunu ikkuntentajnieh. Per eżempju, biex ngħinu ‘l-fqir li l-kawża tal-faqar tiegħu huwa n-nuqqas ta’ għaqal jeħtiġielna niddedikaw ħafna ħin biex ngħinuh ħalli jitgħallem iqassam ġidu sew u jonfoq f’dawk l-affarijiet li huma verament ta’ bżonn. Anke biex ngħinu lil min hu bla xogħol. Wisq iktar jeħtiġielna ħin biex ngħarfu x’hemm ħażin fis-sistema ekonomika li qed ngħixu fiha. X’qegħdin nagħmlu aħna biex norganizzaw ruħna bħala ċittadini Insara u għalhekk parti mis-soċjeta ċivili biex inressqu proposti lill-Gvernijiet per eżempju qabel kull baġit? Qegħdin nippruvaw inkissru rasna u naħsbu fuq xi soluzzjonijiet għall-problemi ta’ faqar? Għalhekk biex ngħinu lil min hu fil-bżonn jeħtieġilna wkoll ninvestu fil-ħin u mhux biss fil-flus. Jekk naħmdu biss fuq is-sintomi u ma niskoprux il-kawża tagħhom, is-sintomi se jerġgħu joħorġu.
Il-laqgħa ngħalqet billi ntqalet it-talba tal-Missierna u bi stedina għall-laqgħa tal-ġimgħa li ġejja.
Din se titmexxa minn Fr Jesmond Calafato u s-suġġett se jkun “SPJEGA TAL-QUDDIESA”. Narawkom!