Inqumu fl-Istennija – Prayer Cafè – 26 ta’ Novembru 2016
L-Ewwel Ħadd tal-Avvent: Inqumu fl-Istennija
Isaija 2,1-5; Salm 121; Rumani 13,11-14; Mattew 24, 37-44
Normalment naraw l-Avvent bħala preparazzjoni għat-twelid ta’ Ġesu fil-Milied. Allura wieħed jista’ jistaqsi: “Kif allura l-Knisja tipproponilna fl-ewel Ħadd tal-Avvent qari dwar it-tieni miġja ta’ Ġesu fid-dinja fl-aħħar tad-dinja u l-ġudizzju universali?”
Aħna fl-Avvent ma nagħmlux biss preparazzjoni għall-miġja ta’ Ġesu fil-Milied; imma nagħmlu preparazzjoni wkoll biex nilqgħu lil Ġesu f’qalbna llum u nkunu mħejjija għat-tieni miġja ta’ Ġesu fostna. Aħna nfakkru xi ħaġa li ġrat fil-passat u nkunu mistiedna biex nimmeditaw u nħejju l-qalb tagħna biex Ġesu jitwieled u jgħix fil-qlub tagħna.
Dawn il-ġrajjiet tal-ewwel miġja ta’ Kristu fostna nsibuhom prinċipalment fl-evanġelju ta’ San Luqa kif ukoll fl-evanġelju ta’ San Mattew. Dawn jippreżentawlna żewġ stejjer differenti li f’ċerti aspetti anke ma jaqblux. Il-ġrajja ta’ San Luqa tippreżentalna storja pjuttost romantika. L-ewwel għandna il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista bit-tħabbira ta’ Sidna Ġesu Kristu. Imbagħad il-ġrajja tispiċċa bit-twelid ta’ Ġesu.
Fit-tħabbira tal-anġlu Gabrijel lil Marija diġa nistgħu naraw il-missjoni ta’ Sidna Ġesu. Hu għażel li jitwieled minn mara sempliċi. Jurina li Alla se jitħabbeb mal-klassi komuni tan-nies. Marija aċċettat din il-missjoni li għall-bidu ma fehmitiex. Meta saret taf li l-qariba tagħha Eliżabetta kien se jkollha wild, hija telqet kollox u marret taqdi. Ma kibritilhiex rasha imma saret persuna ta’ qadi u servizz lejn min hu fil-bżonn. Hija ħasset u emmnet li għandha missjoni. Hija ntelqet f’idejn Alla għaliex kienet tarah bħala s-sid ta’ kollox.
Sidna Ġesu għażel li jitwieled fl-ambjent ta’ stalla ġewwa Betlem sabiex jagħtina sinjal li huwa solidali ma’ min ma jsibx post fis-soċjeta. Matul iż-żmien tal-Avvent, Ġesu u Marija se jħabbtulna fuq il-bieb tal-qalb tagħna sabiex Ġesu jitwieled fil-qalb tagħna. Normalment aħna nkunu nixtiequ ngħidulu iva; imma fil-verita irridu nistaqsu jekk għandniex spazju reali għalih. Ninħakmu minn mentalita ta’ riċevimenti, divertiment, dwal u ġenn. Nispiċċaw niġru f’dawn l-affarijiet li jeħdulna ħafna ħin li minnu suppost jibqgħalna ħin biex nilqgħu lil Ġesu fil-ħajja tagħna. Inkunu nixbħu lil dawk tal-lukandi li ma laqgħux lil Ġesu mhux għaliex ma rriduhx imma għaliex aħna ‘full up’. Ġesu għalhekk qiegħed juri li hu proprju irid jingħaqad u jkun solidali ma’ min hu eskluż.
L-ewwel tħabbira meta l-anġli ħabbru t-twelid ta’ Ġesu marru jħabbruha lir-rgħajja li kienu jkunu ‘l barra mis-swar tal-belt. Ir-raġuni ma kinitx biss minħabba n-ngħaġ imma wkoll għaliex dawn ir-rgħajja ma kinux jingħoġbu min-nies tas-soċjeta. Huma kienu jkunu jintnu minħabba l-ambjent ta’ annimali li jgħixu magħhom u hawn insibu lil Ġesu li jrid iwassal l-aħbar tiegħu l-ewwel lilhom. Kienu huma, dawn l-esklużi mis-soċjeta li laqgħu din l-aħbar, din il-ġrajja ta’ Ġesu.
Ma rridux sempliċiment niftakru f’din il-ġrajja imma rriduha tbiddlilna qalbna.
Sa mill-bidu nett qegħdin naraw din l-għażla ta’ Alla li ċekken lilu nnifsu u sar ħaġa waħda mal-persuni tal-poplu tiegħu. Mela aħna rridu wkoll nagħmlu dan l-eżerċizzju li nċekken lili nnifsi, f’eżerċizzju ta’ umilta. Aħna s-soċjeta narawha bħala persuni li jkollhom post u pożizzjoni soċjali. In-nies għalina huma politiċi, kantanti popolari, tabib eċċ. Imbagħad niltaqgħu ma’ persuni li m’għandhom l-ebda pożizzjoni u aħna niddejqu lil nġibu ruħna ma’ dawn it-tip ta’ nies. Irridu ngħidu li huma ħafna dawn in-nies għaliex għas-soċjeta anke min hu normali jaqa’ f’din il-kategorija. Aħna bħala nsara irridu ngħixu ma’ dawn it-tip ta’ nies li bħala klassi soċjali mhumiex importanti u ta’ poter. Papa Franġisku jgħidilna li hemm bżonn nieħdu r-riħa ta’ dawn in-nies bħalma r-rgħajja kienu jieħdu r-riħa tan-ngħaġ li kienu jgħixu magħhom. Għaliex irridu nġagħlu lil ħaddieħor iħossu inferjuri?
Sidna Ġesu qatt ma ftaħar b’rixu, għaliex għandna nagħmlu hekk aħna? Irridu ngħixu ma’ dawn in-nies u nħallu lill-qalb tagħna ssir tixbaħ lill-qalb ta’ Ġesu.
Jekk aħna nsara, irridu nfakkru din il-ġrajja u nimmeditaw fuqha ħalli aħna bil-ħajja tagħna nagħtu xhieda li Kristu għadu qrib dawk il-persuni li huma mwarrbin u jitqażżiżhom kullħadd.
Min huma dawn it-tip ta’ nies fi żmienna? Jistgħu ikunu dawk il-vittmi ta’ vizzji bħad-drogi, xorb, djun dawk li tilfu x-xogħol fost oħrajn. Issa ħafna drabi huwa vera li dawn in-nies ġabu l-problemi fuqhom imma dawn huma persuni li Alla sar bniedem għalihom u aħna bħala nsara irridu nkunu xhieda għalihom. Qiegħed ninteressa ruħi kif għandi ngħinhom u nismagħhom? Dawn il-persuni huma wkoll l-immigranti li huma fostna. Ħafna drabi dawn nibżgħu minnhom. Niġġudikawhom mill-ewwel u npoġġu fuqhom il-problemi kollha ta’ kriminalita. Imma aħna għandna nkunu solidali ma’ dawn in-nies li huma sfruttati.
Jien bħala nisrani issa li se jibda l-Avvent; x’bidla se jġib fija? Trid tkun bidla fil-qalb tagħna. Meta aħna qed nilqgħu lil Ġesu, qalbna u ħajjitna huma mħejjija biex nilqgħu lil Ġesu fit-tieni miġja tiegħu. Ejjew insibu affarijiet sempliċi li nistgħu nagħmlu matul dan l-avvent; imqar ngħidu bonġu lil dawk li jkunu qegħdin jiġbru ż-żibel, ibqa’ ċert li jirrisponduk lura u jħossu li huma apprezzati bħala bnedmin.
Ejjew ma nibqgħux diżumani u nibdew inpoġġu n-nies fl-ewwel post speċjalment dawk li huma emarġinati. Dan l-avvent irid iġib bidla imqar żgħira imma ta’ vera.
Il-kelliem Fr. Ivan Attard O.P. ikkonkluda l-laqgħa billi enfasizza kemm hu mportanti li nersqu lejn is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, tal-qrar matul dan l-Avvent.